Thursday, December 19, 2024

“L-għaqal li wrejna fl-aħħar snin kien il-bażi biex fi kriżi dinjija ngħinu n-nies” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Qed naraw pajjiż li tgħid x’tgħid l-Oppożizzjoni qed jirkupra sew mix-xokk ekonomiku. Id-domanda ewlenija hija għaliex pajjiżna qed jirkupra b’mod tant b’saħħtu minn dan ix-xokk tal-pandemija. Dan għaliex emminna f’politika ekonomika progressiva minflok morna għal politika ta’ awsterità.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu. Waqt l-intervista Abela tkellem fuq diversi temi importanti fosthom il-politika li jemmen fiha l-Partit Laburista, l-iskema b’saħħitha tal-vawċers, iż-żjara tal-Prim Ministru Libjan Dbeibah ġewwa Malta kif ukoll uħud mid-differenzi bejn il-Partit Laburista u l-Oppożizzjoni.

Dwar l-iskema tal-vawċers, il-Prim Ministru qal li sal-ġimgħa l-oħra kelna €33 miljun li intefqu minn dawn il-vawċers b’€2.4 miljun li ntefqu f’Għawdex. Kellna injezzjoni fl-ekonomija ta’ €2.6 miljun fil-ġimgħa. 

Qal li dak l-għaqal li bħala gvern dejjem urew fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna riedu jsarfuh billi dejjem ikunu hemmhekk man-nies. 

Abela qal li l-għażla kienet waħda naturali, iżda mhux l-istess għall-Oppożizzjoni. Dan għaliex wieħed seta’ jara b’mod konsistenti l-Kap tal-Oppożizzjoni li jgħid li tul il-pandemija l-Gvern kien ħali. Abela semma kif jumejn ilu reġa’ kellek il-Kap tal-Oppożizzjoni li reġa’ tkellem fuq din in-narrattiva. Fi kliem Abela, dan kollu jfisser li għadhom jemmnu f’politika ta’ awsterità.

Il-Prim Ministru qal li: “Onestament, l-kredibilità tal-Oppożizzjoni fil-kamp ekonomiku naħseb ilha li ntilfet. Imkien aktar ma tispikka l-fissazzjoni tagħhom fuq in-negativiżmu.”

“Il-politika li biha mxejna biha kienet il-politika li waslet li llum għandna dak l-irkupru ekonomiku b’saħħtu u biex ir-rata ta’ qgħad jinżel fl-aktar livell baxx li qatt kienet. Fl-aħħar jiem kelna 6,000 negozju li bbenefikaw minn sapport finanzjarju ta’ €1.6 miljun biex ikunu jistgħu jħallsu l-kontijiet tal-kera tagħhom,” qal Abela filwaqt li żied jgħid qed jaraw ukoll li sal-aħħar tax-xahar ikunu qed jagħtu wkoll is-sapport lin-negozji f’dak li huwa ħlas ta’ nofs il-kont tad-dawl għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu. 

Waqt l-intervista Abela kellu diversi opportunitajiet oħra fejn fisser li l-gvern li ma waqafx hemmhekk u semma diversi skemi oħra.

Il-Prim Ministru qal li dalwaqt se jkollna aħbar sabiħa li tolqot is-settur tal-manifattura fejn kumpanija lokali se tniedi investiment ġdid ta’ diversi miljuni li mbagħad se jissarraf fil-ħolqien ta’ 100 impjieg ġdid. 

Dwar l-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li din ilha sew li tilfet il-kredibiltà tagħha fil-qasam ta’ kif għandha titmexxa ekonomika. Semma wkol l-aspett tan-negattività.

“L-Oppożizzjoni qabdet kantaliena f’dawn l-aħħar jiem li jifirħu bil-ħolqien tad-dwejjaq fejn jgħidu għaliex xi kumpaniji fis-servizz finanzjarju ċedew il-liċenzja tagħhom lill-MFSA.” Abela qal li n-numri qed juru li l-valur miżjud li kelna fil-qasam tas-servizzi finanzjarji huwa ta’ €35 miljun. “Bħala medja ta’ kuljum kelna ħolqien f’dan is-settur ta’ impjieg wieħed ta’ kwalità.”

Numri li fi kliem Abela, l-“esperti tat-tnissil tad-dwejjaq” ma jitkellmu fuqhom qatt. “Din hija r-realtà ta’ Oppożizzjoni li għandna f’pajjiżna. Il-fatti huma l-ħolqien ta’ 9,000 impjieg ġdid waqt il-pandemija. In-numri juru li għal kull impjieg fis-settur pubbliku, kelna tmienja fil-privat tul sena ta’ pandemija.”

Żied jgħid: “L-istess ħeġġa u rieda li urejna f’dawn l-aħħar xhur biex immexxu dan il-pajjiż ‘il quddiem għadha hemm. Ħaddieħor jgħidilna għax ma tlaqnix niġru. Dak il-ġudizzju inħallih f’idejn in-nies. In-nies taf kemm dan il-pajjiż qed jirkupra b’saħħtu mix-xokk ekonomiku. Kien hemm xi ħadd ftit ilu li qalulu li persuna waħda ma telqitx tiġri u dan mhu ħadd ħlief il-Kap tal-Oppożizzjoni. Dik il-verità. Saħansitra ngħid li qabad jiġri b’lura.”

Abela qal li il-Partit Laburista huwa magħmul minn moviment wiesa’ ta’ nies li joħolmu u li għandhom ambizzjonijiet għal dan il-pajjiż li jaraw li għada jkun aqwa mill-bieraħ u pitgħada aqwa minn għada. 

“Illum tkellimna ftit iżżejjed fuq il-PN u jaqa’ kemm jaqa’ fil-baxx se jsib lilna sodi biex nifqulu u se nibqgħu sodi ħafna kif nieqfu lil ċertu attakki fil-baxx tal-PN. In-nies iridu jaraw min għandu l-aqwa policies biex imexxi l-pajjiż ‘l quddiem.” 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar iż-żjara tal-Prim Ministru tal-Libja f’pajjiżna fejn qal li jqis il-Libja bħala suġġett importanti u għal qalbu. Qal li kien interessanti ferm fid-diskussjonijiet li ma ddiskutewx biss fuq l-immigrazzjoni irregolari anzi spikkaw temi differenti fosthom ewlenija s-saħħa, inkluż il-vaċċin, l-edukazzjoni u l-investiment.

Qal li l-fatt li t-tema tal-immigrazzjoni irregolari ma kinitx ewlenija hija frott tal-ħidma b’mod konsistenti li saret fl-aħħar xhur. Qal li din waslet biex dan is-sajf rajna tnaqqis sostanzjali fil-wasliet ta’ immigranti irregolari f’pajjiżna. 

Semma kif diskussjoni li kellu flimkien mal-Prim Ministru tal-Libja kienet il-mod kif Malta qed tħares lejn il-Libja. Qal li prinċipju komuni huwa dwar l-istabbilità fil-pajjiż għax jekk ma jkunx hemm dan se jkun hemm il-problemi.

Abela tkellem ukoll dwar fattur kruċjali huwa l-mod ta’ kif se jsiru l-elezzjonijiet fil-Libja. Il-Prim Ministru qal li jemmen li biex wieħed jista’ jmur għal dawk l-elezzjonijiet huwa li jkun hemm l-istabbilità.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar żvilupp importanti li sar il-Ġimgħa fejn iffirmaw MOU fejn qed jaraw li kemm jista’ jkun malajr jerġa’ jkun hemm it-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ekonomija

Sport