Friday, December 20, 2024

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa twissi li l-agħar għadu ġej u huwa inevitabbli

DISEASE X: Patoġen perikoluż u devastanti li għadu mhux magħruf… wieħed mil-lista

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għadna kemm ħriġna minn theddida fuq is-saħħa pubblika ta’ skala mondjali li kawża tagħha mietu miljuni ta’ nies. Iżda, il-ħsieb li mistennija jerġa’ jkun hemm pandemija oħra u agħar minnhekk, li se tkun aktar qawwija u hija inevitabbli, żgur li tkompli żżid mad-dubji għal futur tajjeb u seren għall-umanità. Mingħajr il-ħsieb li ninkwetaw imma aktar biex ninfurmaw u nedukaw, illum qegħdin nitkellmu dwar twissija inkwetanti li l-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), Dott. Adhanom Tedros, għamel din il-ġimgħa – dik li “il-pjaneta għandha tkun ippreparata biex tiffaċċja mard aktar qattiel milli kienet il-Covid-19”.

Dan il-kliem Dott. Tedros qalu f’Geneva, fl-Isvizzera, fil-76 laqgħa annwali tagħha. Huwa saħaq li minkejja l-agħar tal-pandemija tal-Covid-19 għadda, hemm xorta waħda theddida ta’ xi varjant ġdid li jista’ jwassal għal żidiet fil-każijiet u saħansitra mwiet minn dan il-virus. Fl-istess nifs huwa sostna li, “għad hemm ukoll theddida minn patoġen ġdid aktar fatali mill-Coronavirus”. 

Fl-2018, fil-fatt, id-WHO identifikat disa’ tipi ta’ mard differenti li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-saħħa pubblika. Dawn huma: il-Covid-19, il-Crimean-Congo Haemrrhagic Fever, l-Ebola u l-Marburg, il-Lassa Fever, il-Middle East Respiratory Syndrom Coronavirus (MERS-CoV) u s-Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS), in-Nipah and Henipaviral Diseases, ir-Rift Valley Fever, iż-Zika u l-marda li għadha mhux magħrufa li ngħata l-isem ta’ “Disease X”.

Wara l-Covid…

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li dan il-mard serju huwa kkonsidrat bħala l-aktar perikoluż minħabba li hemm nuqqas ta’ trattament għalihom jew minħabba l-abbiltà tagħhom li jikkawżaw pandemija.

Dott. Tedros għamel din it-twissija fil-laqgħa annwali tal-194 membri tagħha li fiha l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ħabbret skema ġdida li permezz tagħha tidentifika u ssegwi l-aktar patoġeni perikolużi fid-dinja. 

Fil-lista ta’ mard li d-WHO qiegħda ssegwi hemm inkluż id-“Disease X” li skont din l-Għaqda, dan huwa patoġen perikoluż ħafna li għadha ma tafx bih. Din il-“ħasda” ġiet fuqna proprju f’inqas minn xahar minn meta d-WHO iddikjarat li l-Covid-19 m’għandux ikklassifikat bħala emerġenza tas-saħħa pubblika jew ta’ tħassib internazzjonali.

F’din il-laqgħa d-WHO nediet sistema ġdida ta’ identifikazzjoni minn kmieni – l-“International Pathogen Surveillance Network” (IPSN) li se tagħti lin-nazzjonijiet kollha aċċess għal sequencing tal-ġenomika biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jintervjenu għal theddid minn mard ġdid.

Il-ġenomika huwa l-istudju tal-materjal ġenetiku misjub fil-virusi. Din tgħin lix-xjenzati jidentifikaw minn kmieni l-mutazzjonijiet tagħhom li jistgħu jwasslu għal patoġeni aktar infettivi u fatali. Imbagħad ix-xjenzati jistgħu jiżviluppaw trattamenti u tilqim li jilqgħu għal dawn il-patoġeni. 

L-IPSN se tgħaqqad lir-riċerkaturi, lill-gvernijiet, lill-għaqdiet tal-karità u lis-settur privat f’din is-sorveljanza ta’ virusi u mard perikoluż. “Ma nistgħux inwarrbu din is-sitwazzjoni. Meta tasal il-pandemija li jmiss, li se tasal, irridu nkunu ppreparati tajjeb biex nirreaġixxu b’mod deċiżiv, kollettiv u b’mod ekwu,” tenna jwissi Dott. Tedros.

Il-kelma pandemija tfisser marda li hija prevalenti f’pajjiż sħiħ jew inkella fid-dinja. Tul l-Istorja, hekk kif il-bnedmin bdew jinfirxu mad-dinja, mard infettiv seħħ b’mod kostanti. Dan iseħħ anke fil-ġurnata tal-lum. F’Marzu tal-2020 ġiet iddikjarata uffiċjalment il-pandemija tal-Covid-19 iżda fl-Istorja kien hemm għadd ta’ pandemiji qattiela oħra bl-aktar waħda tkun il-Pesta (Burbonic Plague) magħrufa wkoll bħala l-“Black Death”. Fis-seklu 14, din qatlet madwar 200 miljun persuna. Min-naħa tagħha l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għandha stima li mill-Covid-19 s’issa mietu 20 miljun persuna. Tajjeb li nsemmu li tul is-sekli 17 u 18 seħħu sensiela ta’ pesti kbar mal-Ewropa kollha. 

Id-disa’ mardiet fuq il-lista ta’ prijorità tad-WHO… Sorveljanza tal-mard li fil-futur jista’ jkun ta’ theddida serja għas-saħħa pubblika

COVID

Dan huwa mniżżel flimkien mal-Crimean-Congo Haemorrhagic Fever, marda li tinxtered mill-qurdien u toqtol 30% tal-pazjenti rikoverati fi sptar.

EBOLA  

Din il-marda toqtol madwar nofs dawk infettati u hija wkoll fil-lista. Din tikkawża reġettar, diarrhea, ħaffas, ġilda ta’ kulur safrani, kif ukoll dmijja minn fost l-oħrajn mill-għajnejn, widnejn u l-ħalq.

MARBURG

Dan huwa wieħed mill-aktar patoġeni qattiela li qatt ġie skopert b’rata ta’ fatalitajiet ta’ 88% mill-każijiet. Dan huwa wkoll theddida oħra quddiem l-umanità u huwa rrapportat li jikkawża sintomi simili tal-Ebola.

LASSA FEVER

Dan jista’ jkollu effett ħafif jew saħansitra ma jikkawża ebda sintomi fi 80% tal-pazjenti u joqtol madwar 1-3% ta’ dawk il-persuni infettati bih. Il-Lassa Fever huwa endemiku f’ċerti żoni fil-Punent tal-Afrika iżda 11-il każ, li minnhom wieħed irriżulta fatali, ġew irrapportati fir-Renju Unit.

MERS U S-SARS

Il-Middle East Respiratorju Syndrome Coronavirus (MERS) u s-Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS) ukoll huma fil-lista ta’ sorveljanza tad-WHO. Il-MERS tikkawża deni u sogħla li tista’ tiżviluppa fi pnewmonja u diffikultajiet biex il-pazjent jieħu nifs. Din ġiet identifikata għall-ewwel darba fil-Lvant Nofsani fl-2012 u qatlet madwar 35% ta’ dawk infettati. Is-SARS ġiet identifikata għall-ewwel darba fl-2003 fiċ-Ċina. Ir-rata tal-fatalitajiet hija ta’ 3%.

NIPAH VIRUS

L-ewwel każ fuq il-bniedem ġie rrapportat fl-1998 fejn ġew innotati sintomi simili għal dawk ta’ influwenza li jistgħu jiggravaw f’diffikultajiet fin-nifs. Dan joqtol madwar tliet kwarti ta’ dawk ikkonfermati morda bih.

RIFT VALLEY FEVER

Id-WHO hija wkoll imħassba fuq ir-Rift Valley Fevere li tinxtered minn annimali infettati. Normalment din tinstab fl-Afrika sub-Saħarjana u toqtol 1% ta’ dawk infettati biha.

IŻ-ZIKA VIRUS

Dan huwa patoġen ta’ tħassib ieħor li fil-maġġorparti tal-każijiet jinxtered minn nemus u normalment ma jkollux effetti negattivi qawwija ħafna. Fil-fatt, il-każijiet severi jingħad li huma rari iżda jista’ jikkawża komplikazzjonijiet f’nisa tqal u trabi.

DISEASE X

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa wissiet ukoll dwar din il-marda minħabba l-fatt li l-pandemija li jmiss tista’ tkun ikkważata minn patoġen li għalissa għadna ma nafux dwaru u li jista’ jkun ta’ theddida fuq saħħet il-bniedem. Sadanittant, l-uffiċjali tad-WHO qegħdin jaħdmu biex jaġġornaw din il-lista.

Ekonomija

Sport