Friday, December 13, 2024

L-GĦAQDA L-QOFOL GĦAL FUTUR AĦJAR

Aqra wkoll

Hekk kif resqin lejn tmiem il-kampanja elettorali u allura lejn jum il-votazzjoni fis-26 ta’ Marzu li ġej, ikun tajjeb li nanalizzaw dak kollu li ħareġ mid-diskorsi li saru sa issa minn esponenti politiċi partikolarment mill-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin.

Minn dak li smajna minn fomm iż-żewġ mexxejja stess, stajna nikkonkludu li hemm baħar jaqsam bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Fuq naħa, rajna lill-PL u lill-Prim Ministru Robert Abela kontinwament jinsistu fuq il-ħtieġa tal-għaqda fil-pajjiż bħala s-sisien għal futur sabih u fuq in-naħa l-oħra tal-munita, il-Kap tal-Oppożizzjoni, ħafna drabi jintilef f’isteriżmu t’għajjat u tgħajjir.

Ftit li xejn smajna lil Dr Bernard Grech jisħaq fuq l-għaqda filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela kull diskors li għamel ibbażah fuq kemm pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem jekk ikun magħqud bħala poplu wieħed.

Quddiem dan kollu, il-poplu għandu jiżen sewwa dwar x’futur irid għalih u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Huwa fatt li fl-għaqda hemm is-saħħa u s-sliem li tant huma meħtieġa biex pajjiż javvanza ekonomikament u soċjalment.

Għalhekk id-dritt tal-vot, għalkemm jiġi darba kull ħames snin f’elezzjoni ġenerali, l-effett tiegħu jibqa’ jinħass għal bosta snin wara. Huwa importanti li dan id-dritt jiġi eżerċitat minn kull min għandu aċċess għalih sabiex pajjiżna jibqa’ jgħix fis-serenità u l-istabbilità.

Fl-aħħar rallies organizzati mill-partiti ewlenin spikkaw l-appelli biex kulħadd juża s-sovranità tiegħu u mhux biss imur u jiġbor il-vot imma wkoll li dan il-vot jixħtu b’impenn lejn futur aħjar ta’ pajjiżna, futur li jkun imsejjes fuq l-għaqda fost il-Maltin. 

F’dawn l-aħħar jiem li fadal qabel jum il-votazzjoni, huwa importanti li nneħħu l-partiġġjaniżmu li jifridna u nfittxu dak kollu li jgħaqqadna. Ma nistgħux inħallu l-pika teqred is-serenità u s-serħan tal-moħħ għall-ġejjieni. 

L-isfidi qegħdin hemm u se jibqgħu jkunu hemm fiż-żmien li ġej. Dawn l-isfidi nistgħu naffaċċjawhom biss jekk ikollna mexxejja għaqlin li jagħrfu jmexxu tajjeb fl-aktar mumenti diffiċli. Dan rajnieh diġa jitwettaq f’dawn l-aħħar sentejn ta’ pandemija li minnha pajjiżna ħareġ bl-unuri kollha tant li ġie mfaħħar kemm mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u anke mill-Kummissjoni Ewropea.

Biex isseħħ l-għaqda fost il-Maltin hemm bżonn ukoll li qabel kollox, imqar fil-politika, nidraw nattakkaw u nikkritikaw il-messaġġ u mhux il-messaġġier.

Ekonomija

Sport