Friday, May 3, 2024

Roger Federer jagħti donazzjoni ta’ $500,000 biex jgħin lit-tfal Ukreni

Aqra wkoll

Il-leġġendarju tat-tennis, Roger Federer, se jkun qed jagħti donazzjoni ta’ $500,000 permezz tal-fondazzjoni tiegħu – il-Fondazzjoni Roger Federer, biex jiżgura li t-tfal Ukreni milquta fil-gwerra jingħataw aċċess għall-edukazzjoni u jiġu kkurati hekk kif jibqgħu maqbuda f’nofs avvenimenti orribbli bejn l-Ukrajna u r-Russja.

L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) qalet aktar kmieni din il-ġimgħa li kważi tliet miljun refuġjat ħarbu mill-Ukrajna, madwar 7% tal-popolaz­zjoni tal-pajjiż, minn meta bdiet l-invażjoni tar-Russja fl-24 ta’ Frar.

Iċ-champion 20 darba tal-Grand Slam, li għal żmien twil għen lit-tfal tal-Afrika permezz tal-Fondazzjoni tiegħu, mar fuq il-midja soċjali tiegħu biex iħabbar din id-donazzjoni wara li semma’ li jinsab għal kollox “dis­pjaċut” mill-ġraj­jiet li qed joħorġu fl-Ukrajna, bħala riżultat tal-invażjoni tar-Russja.

Konxju li madwar sitt miljun tifel u tifla Ukreni bħalissa huma barra mill-iskola, il-Fondazzjoni Roger Federer se tittama li tassigura li l-iskola tagħhom tiġi kkurata u pprovduta f’dawn iż-żminijiet ta’ prova u ma jiġux imċaħħda mill-edukazzjoni, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi.

B’donazzjoni ta’ $500,000 u appoġġ għal War Child Holland, Federer beħsiebu jissalvagwardja l-futur tat-tfal Ukreni li qed isofru trawma kbira mill-gwerra.

Iktar kmieni, il-player numru wieħed tad-dinja, Novak Djokovic, kien laħaq ukoll lit-tennista Ukren irtirat, Sergiy Stakhovsky, li ngħaqad fil-gwerra kontra r-Russja, u offrie­lu għajnuna finanzjarja, jekk ikun meħtieġ.

L-eks numru wieħed tad-dinja, Federer, ilu ma jilgħab tournament minn Wimbledon 2021. Imħolli barra minn injury fl-irkoppa, Federer bħalissa jinsab fil-proċess ta’ riabi­litazzjoni u mistenni li jerġa’ lura għal-logħob aktar tard din is-sena.

Ir-Re tat-Turf ta’ 40 sena, kien ħerqan li jagħmel ir-ritorn tiegħu waqt il-ġibda ta’ Wimbledon iżda jidher li se jkollu jistenna ftit, peress li l-irkupru qed jieħu iktar fit-tul milli kien antiċipat.

Sport