Saturday, December 28, 2024

L-għaqda Repubblika titlef il-kawża kontra l-Istat dwar ir-rikuża tal-Maġistrat Lia

Aqra wkoll

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet numru ta’ talbiet li għamlet l-għaqda Repubblika f’rikors Kostituzzjonali marbut mal-każ li l-għaqda msemmija għamlet biex il-Maġistrat Nadine Lia tirrikuża ruħha f’kawża li hija fetħet fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali b’rabta mal-każ tal-bank Pilatus.

L-għaqda Repubblika ilmentat minn nuqqas ta’ smigħ xieraq fil-kawża tagħha. Permezz tal-Avukat tagħha, l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, l-għaqda argumentat li hija vittma fil-każ, bl-Imħallef Audrey Demicoli tirrimarka li Repubblika pproduċiet faċċati sħaħ minn linji gwida tal-Konvenzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem, iżda naqset milli tindika parti speċifika minnhom biex issostni l-argument tagħha.

L-Avukat tal-Istat wieġeb billi ddeskriva r-rikors bħala attakk personali kontra l-Maġistrat Lia u qal li l-istess maġistrat ġiet irrappurtata lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u anke rċeviet theddid anonimu. Żied jgħid ukoll li l-proċedura li l-għaqda fetħet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija mhix intiża biex tiftaħ indaġni u qal li ma jfissirx li għax il-Maġistrat Lia m’aċċettatx li tirrikuża lilha nnifisha allura mhux se tkun imparzjali.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, l-Imħallef Audrey Demicoli qalet li huwa minnu li l-għaqda Repubblika hija parti mill-proċedura ta’ sfida madankollu żiedet li l-proċeduri ta’ sfida jistgħu jwasslu biex jiġu intavolati proċeduri kriminali li jirrigwardaw lil terzi u mhux lill-għaqda. 

Għaldaqsant hija qalet li m’hemmx ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tal-għaqda, laqgħet eċċezzjonijiet imressqa mill-Avukat tal-Istat u konsegwentament ċaħdet it-talbiet l-oħra kollha tal-għaqda bl-ispejjeż kontriha.

Ekonomija

Sport