Sunday, November 24, 2024

L-għawm artistiku hi dixxiplina ferm sabiħa u jien inħeġġeġ aktar tfal jipparteċipaw fiha

- Michelle Hubner, kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-għawm artistiku

Aqra wkoll

Żewġ atleti tal-għawm artistiku jiġifieri Emily Ruggier u Zea Montfort ikkompetew fil-Kampjonati taż-Żgħażagħ Ewropej tal-Għawm Artistiku għal din is-sena 2024. Huma kellhom wirja mill-aqwa hekk kif spiċċaw fl-ogħla postijiet fil-klassifika, b’Zea Montfort waħedha li temmet fid-disa’ post minn 18-il pajjiż parteċipant … suċċess illi kienu ilhom ħafna jaħdmu għalih.

Kemm Montfort kif ukoll Ruggier tħarrġu qatigħ sabiex waslu għal dan il-livell fejn anke b’sapport mill-Ministeru tal-Edukazzjoni setgħu jibbilanċjaw l-istudji mal-impenji sportivi tagħhom.

Huma kienu qed jiġu mmexxija mill-kowċ tat-tim nazzjonali tal-Għawm Artistiku Michelle Hubner. Hi eks għawwiema ta’ dan l-isport fejn ħadet sehem ukoll mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżha. Bħala kowċ u anke ġudikanta, hi għandha għarfien tajjeb ta’ dan l-isport u qed tipprova tgħaddi dak kollu li taf lill-atleti l-oħra.

Din il-gazzetta tkellmet mal-istess Hubner fejn tatna aktar informazzjoni dwar dan is-suċċess li kisbu Zea Montfort u Emily Ruggier.

“Ninsab ferm sodisfatta li kellna dan is-suċċess iżda b’mod speċjali kuntenta għal Emily u Zea li veru ħadmu sabiex jilħqu l-livell li marru sew fih. Meta tqis li Zea ġiet id-disa’ post minn 18-il kontestanta u anke fid-duet free u duet tech routines kellhom ukoll pożizzjoni tajba, juru li verament morna tajjeb.”

Hubner qalet li rat progress kbir minn sentejn ilu ‘l hawn mill-atleti li kellha magħha fejn mit-13-il post, telgħu għal dan id-disa’ post li wieħed jista’ jqisu storiku.

“Kemm Emily kif ukoll Zea tħarrġu b’mod intensiv kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna fejn ħadmu ma’ koreografi oħrajn sabiex il-movimenti jkunu irfinati kemm jista’ jkun.”

“Jien min-naħa tiegħi li naf l-isport b’mod ġenerali ridt nara li ngħin fil-koreografija apparti li nirranġa fejn kien hemm bżonn sabiex il-wirja tagħhom tkun impekkabbli. Hekk ġara u ninsab fis-seba’ sema li waslu s’hawn.”

Hubner spjegat ukoll ir-rwol tagħha bħala kowċ fi ħdan l-Aquatic Association of Malta fejn hi trid tagħżel l-aqwa atleti possibbli fl-għawm artistiku u twassal biex iżżid il-livell tagħhom. Hi tgħid li dan l-isport qed jikber ħafna fil-gżejjer Maltin anke għax hawn klabbs lokali li qed jinkorporawh bħala parti mill-operat tagħhom, xi ħaġa ferm pożittiva.
Hubner sostniet li l-bniet li tħarreġ jieħdu dan l-isport b’serjeta’ kbira u dan kollu jgħinna f’xogħolha sabiex ikollhom wirjiet ferm tajbin. Hi spjegat li kull rutina ta’ għawm artistiku li jsir hemm mużika partikolari li l-atleti jridu jipprattikaw sew xi ħaġa li kemm Zea kif ukoll Emily ħadmu ħafna fuqha.

“Nemmen li f’Malta hawn potenzjal kbir u dan il-fatt irid jiġi indirizzat aktar sabiex nattiraw aktar atleti lejn il-Pixxina Nazzjonali. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lil ASA immexxija mill-president Karl Izzo li jaħdem qatigħ sabiex jara li l-isport akwatiku jkompli jiżviluppa.”

Michelle Hubner qalet li l-futur tal-għawm artistiku f’Malta se jkun wieħed ferm pożittiv għax qed tara progress u żieda fil-parteċipazzjoni.

Hi temmet din l-intervista qasira sabiex tħeġġeġ aktar tfal biex jieħdu sehem fl-għawm artistiku.

“Din id-dixxiplina hi ferm sabiħa u jien inħeġġeġ aktar tfal jipparteċipaw fiha. Jekk iridu jirnexxu, l-ewwel u qabel kollox iridu joħolmu ħafna, jaħdmu qatigħ u jkollhom aktar kunfidenza, xi ħaġa li l-Maltin qed jibdew jibnu u għaliex le nistgħu nirnexxu wkoll!”

Sport