Tuesday, January 6, 2026

“L-għaxqa tiegħi li nara l-fniek rilassati u ferħanin”- Jan Weening Attard minn The Malta Rabbit Club

Aqra wkoll

Il-volontarjat ħafna drabi jitqies bħala għażla li wieħed jagħmel aktar ’il quddiem fil-ħajja. Iżda l-istorja ta’ Jan Weening Attard tikkonferma li s-sens ta’ servizz lejn l-oħrajn, ir-responsabbiltà u l-imħabba lejn il-komunità jistgħu jitrawmu sa minn età żgħira.

Prova ċara ta’ dan waslet fl-edizzjoni tal-2025 tan-National Volunteer Awards, fejn Jan ġie onorat bil-Victor Calvagna Children Volunteer Award, premju mogħti lil tfal bejn l-10 u l-15-il sena li juru impenn eċċezzjonali fil-qasam tal-volontarjat.

Dan l-unur ma wasalx b’kumbinazzjoni. Huwa r-riżultat ta’ snin ta’ ħidma kostanti u silenzjuża fi ħdan il-Malta Rabbit Club, klabb li ilu għal aktar minn sittin sena jagħti sehmu fil-qasam tal-benesseri tal-annimali, b’mod partikolari tal-fniek. Imwaqqaf fl-1963 minn Joe Debattista, il-klabb iċċelebra s-60 anniversarju tiegħu fl-2023 u llum jiffoka fuq diversi oqsma: il-promozzjoni tal-kura xierqa tal-fniek, l-edukazzjoni dwar l-aħjar mod kif wieħed jista’ jieħu ħsiebhom, l-appoġġ lil home breeders, kif ukoll servizzi ta’ terapija assistita għall-annimali li juru kemm dawn il-ħlejjaq jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq il-bniedem.

Il-konnessjoni ta’ Jan mal-fniek bdiet b’mod sempliċi ħafna, f’ambjent familjari. “Id-dar kienet xi ftit vojta mingħajr annimali,” jispjega. “Fil-bidu konna naħsbu li nieħdu kelb, imma ma kienx l-aħjar għażla għalina. Il-kelb joħroġ jiġri, jitlaq, u għandu bżonn attenzjoni differenti. Għalhekk iddeċidejna li nrabbu fenek.” Dik id-deċiżjoni ma kinitx biss dwar pet ġdid, imma kienet il-bidu ta’ vjaġġ li wasslu biex isib post fejn iħossu tassew parti minn familja akbar.

Meta ngħaqad mal-Malta Rabbit Club, Jan beda jattendi bħala parti mill-Junior Section. Hemmhekk, taħt il-gwida ta’ voluntiera u leaders b’esperjenza, tgħallem x’ifisser li tieħu ħsieb annimal b’serjetà.

“Ix-xogħol tagħna hu li nnaddfu l-fniek, nieħdu ħsiebhom, u nagħmlu dak li jkun hemm bżonn. Kultant ikollu tħammeġ ftit idejk, iva, imma dan hu parti mill-volontarjat u hi l-għaxqa tiegħi li nara lill-fniek rilassati u ferħanin,” jgħid b’mod sempliċi, li juri kemm għalih dawn l-affarijiet huma naturali.

Għalkemm ħafna drabi xogħol bħal dan ma jidhirx minn barra, huwa essenzjali. It-tindif, il-kura, l-osservazzjoni u l-ħin mogħti lill-annimali huma dak li jassigura li l-fniek ikunu f’ambjent sigur u b’saħħtu. Jan, minkejja l-età żgħira tiegħu, dejjem kien magħruf bħala tfajjel puntwali, li jagħmel dak li jitlobulu u li ma jiddejjaqx jagħti daqqa t’id lil min ikun hemm bżonn.

Mument li mmarka ħafna lil Jan wasal f’Novembru tas-sena li għaddiet, meta tilef il-fenek tiegħu, Buttons. Esperjenza bħal din tista’ tkun diffiċli għal kull min għandu rabta ma’ annimal domestiku, aktar u aktar għal tifel. Iżda dak li għamel Jan wara juri kemm il-volontarjat tiegħu huwa mibni fuq valuri profondi. “Anke wara li miet Buttons, bqajt ngħin fil-klabb. Ma ridtx nieqaf. Għalija kienet għadha xi ħaġa sabiħa li nagħmel,” jirrakkonta.

Din id-deċiżjoni turi sens qawwi ta’ maturità u impenn. Huwa wkoll jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-ġenituri tiegħu f’dan kollu. “Il-ġenituri tiegħi dejjem jgħiduli li l-volontarjat hu importanti,” jgħid, u kliemu jirrifletti l-appoġġ kontinwu li jirċievi minn Karen u Robert, li huma preżenza kostanti wara kull pass li jagħmel. Xi ħaġa verament sabiħa mmens.

Meta waslet il-ġurnata tan-National Volunteer Awards, Jan ma kellux aspettattivi kbar. Għalhekk, meta sema’ ismu jissejjaħ bħala r-rebbieħ tal-Victor Calvagna Children Award, l-emozzjoni kienet kbira. “Kont sorpriż ħafna. Onestament, ma ħsibt qatt li se nirbaħ. Kont eċitat ħafna,” jgħid b’tbissima li turi kemm l-esperjenza kienet waħda li se tibqa’ miegħu għal żmien twil.

Il-klabb innifsu ma setax jaħbi l-kburija tiegħu. F’messaġġ emozzjonanti, Jan ġie deskritt bħala eżempju ta’ tfajjel li, minkejja li sena ilu tilef il-fenek tiegħu, xorta waħda għażel li jibqa’ jagħmel volontarjat. Faħħar ukoll il-fatt li dejjem lest jgħin lil sħabu, jaħdem ma’ min ikun hemm u jagħti daqqa t’id fejn meħtieġ. Rikonoxximent speċjali ngħata wkoll lill-Junior Club Leader Valerie Fenech, li taħt il-gwida u t-tagħlim tagħha Jan kompla jikber f’karattru umli iżda sod.

Il-Malta Rabbit Club innifsu kien finalist ukoll, flimkien ma’ membri oħra, fatt li juri kemm il-ħidma kollettiva tal-voluntiera hija apprezzata fuq livell nazzjonali. Klabb li, tul dawn it-63 sena, għen mijiet ta’ membri, salva ħajjiet ta’ fniek, offra assistenza kull meta kien hemm bżonn u żviluppa servizzi terapewtiċi innovattivi.

Madankollu, l-istorja ta’ Jan Weening Attard tibqa’ waħda speċjali. Mhijiex biss storja ta’ premju jew ċerimonja, imma ta’ tfajjel li sab post fejn jagħti u jirċievi fl-istess ħin.

B’azzjonijiet żgħar iżda konsistenti, Jan qed juri li l-volontarjat mhux dwar kemm għandek snin, imma dwar kemm għandek qalb. U f’dan is-sens, il-futur tal-volontarjat f’Malta jidher wieħed mimli tama.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport