Bħala omm ta’ żewġ subien ta’ seba’ u disa’ snin, Elaine Pavia Grima kienet ilha taħseb kif tista’ tevita li tagħti lit-tfal tagħha smartphone qabel ikunu verament lesti jifhmu r-responsabbiltà li ġġib magħha. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti tas-Sinjura Pavia Grima li fihom qajmet punti ferm interessanti li żgur li wieħed għandu jixtarrhom, partikolarment min hu ġenitur.
“Kont naf li ma kienx se jkun faċli,” tgħid hi. “Meta jikbru ftit oħra, il-maġġoranza tat-tfal tas-sena tagħhom se jkollhom smartphone personali, u eventwalment kienu se jħossuhom differenti jew iżolati jekk huma ma jkollhomx.”
Bħala edukatriċi, Elaine kienet ukoll konxja mill-fatt li llum it-tfal sa minn età żgħira anke ta’ seba’ snin, meta jkunu Year 3 qed jingħataw smartphones u li sal-Year 6, kważi kull student ikollu tiegħu.
“Il-pressjoni soċjali hija kbira ħafna,” tispjega. “Meta tara lit-tfal kollha bi smartphone f’idejhom, il-ġenituri jibdew iħossu li għandhom jagħmlu l-istess biex uliedhom ma jitħallewx barra.”
Kien fuq dan il-punt, li Elaine ħasbet f’idea: forsi ma kinitx waħedha. “Immaġinajt li hemm ġenituri oħra li qed jinkwetaw bħali, li jispiċċaw jixtru smartphone lil uliedhom mhux għax iridu, imma għax jibżgħu li ma jiġux aċċettati mis-soċjetà.” U hekk, bi ħsieb sempliċi, twieled moviment.
Elaine ngħaqdet ma’ erba’ ġenituri oħra f’Għawdex, kollha bil-ħsieb li jippruvaw jżommu lit-tfal tagħhom mingħajr smartphone personali sa meta jkollhom mill-inqas 13-il sena. Dak li beda bħala grupp żgħir lokali issa kiber f’komunità ta’ aktar minn 200 membru f’WhatsApp, magħrufa bħala Smartphone Free Childhood Gozo.
“Bdejna naqsmu artikli, ideat, u anke esperjenzi personali dwar kif naffaċċjaw din l-isfida. S’issa rajna kemm il-kollaborazzjoni bejn il-ġenituri tagħmel differenza. Kulħadd qed jgħin lil kulħadd biex jaffaċċjaw pressjonijiet soċjali u diffikultajiet prattiċi.”
Il-grupp Għawdxi ma waqafx hemm. Dawn il-ġenituri ħolqu profil fuq Instagram bl-isem @smartphonefreechildhoodmalta. Huma u ġenituri f’Malta li qed jagħmlu inizjattiva simili (permezz tal-paġna “Smartphone Free Childhood Malta & Gozo” fuq Facebook), ingħaqdu flimkien u t-tnejn issa huma parti minn moviment globali ta’ ġenituri li jippromwovu tfulija b’saħħitha u bla dipendenza minn smartphones.
Skont Elaine, ir-raġunijiet għal din l-għaqda huma ovvji: “Studji internazzjonali juru li t-tfal ma għandhomx ikollhom smartphone qabel l-età ta’ 14-il sena. L-effetti fuq moħħhom huma serji u fit-tul.”
Elaine tispjega li l-periklu mhux biss fil-ħin eċċessiv li jqattgħu t-tfal fuq l-ismartphone, iżda wkoll fl-effett psikoloġiku tal-użu kontinwu tas-social media. “Ir-riċerka turi li l-‘iscrolling’ kontinwu u r-rispons immedjat ta’ likes u vidjows qosra jattivaw il-produzzjoni ta’ dopamine, il-kimika tal-moħħ li tagħtina sens ta’ pjaċir bħall-alkoħol jew id-droga,” tgħid bi tħassib.
“Meta dan iseħħ ta’ spiss, it-tfal jibdew iħossu li l-attivitajiet normali ma jagħtuhomx sodisfazzjon biżżejjed. Jiżviluppaw dipendenza psikoloġika li tħallihom dejjem ifittxu aktar stimulazzjoni u l-periklu huwa li eventwalment ikunu esposti għal kontenut xokkanti jew pornografiku li moħħhom għadu mhux matur biżżejjed biex jifhem.”
Elaine temmen li s-soċjetà għadha ma tatx l-istess importanza lill-perikli tas-social media bħal ma tagħmel ma’ sustanzi bħall-alkoħol u d-droga. “Aħna nitkellmu dwar il-vizzji kollha imma ftit huma dawk li jgħidu ċar u tond li s-social media tista’ tkun forma ta’ vizzju wkoll. Inħoss li l-awtoritajiet għandhom jirregolaw dan, mill-aktar fis possibli.”
F’Malta, il-Gvern diġà nieda diskussjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-social media bil-ħsieb li jressaq liġi fil-jiem li ġejjin. Elaine tħares lejn dan bħala pass pożittiv, iżda temmen li l-edukazzjoni tal-ġenituri hija wkoll essenzjali.
Bħala senior lecturer fl-MCAST u eks-għalliema tal-iskola primarja, Elaine għandha esperjenza diretta ma’ tfal u żgħażagħ. Hi tgħid li t-tfal u l-adoloxxenti illum huma aktar esposti għall-bullying diġitali u għall-manipulazzjoni mis-social media.
Elaine tispjega kif is-social media tiddisinja algoritmi li juru kontenut dejjem aktar estrem lit-tfal, anke jekk inizjalment ma jkunux ifittxuh. “Dan iwassal għal iżolament u problemi serji ta’ stima personali, speċjalment fost il-bniet. Jibdew jaraw l-immaġni tagħhom bħala xi ħaġa li trid tgħaddi minn filtru biex tkun ‘aċċettata’,” tgħid.
Hija tgħid li ħafna drabi l-problema tibda minn ġenituri li jagħtu l-ismartphone l-qadim tagħhom lit-tfal meta jixtru wieħed ġdid. “Naħsbu li qegħdin nagħmlu ġest innoċenti, imma fil-verità nkunu qed niftħulhom il-bieb għal din id-dipendenza. F’dan il-kas tgħid li jkun aħjar tixtrilhom brick phone jew flip phone sempliċi bla apps biex jibqgħu f’kuntatt”.
Xi ġenituri ta’ tfal akbar fi ħdan il-grupp qalulha bla tlaqliq li l-mument li tawhom smartphone, tilfuhom. Elaine tgħid li dawn l-esperjenzi huma allarmanti u li għandhom jservu ta’ lezzjoni.
Bħala parti mill-inizjattiva, hi bdiet tagħti laqgħat u taħditiet fl-iskejjel biex tqajjem kuxjenza fost il-ġenituri u l-edukaturi. “Aħna nifhmu lill-ġenituri li taw smartphone lit-tfal tagħhom mija fil-mija, għax nifhmu li kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri jinsabu taħt pressjoni kbira dwar dan. Il-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija poġġew lilna l-ġenituri f’sitwazzjoni kerha li kull kif ħażin, għax jew nagħtuhom prodott li nafu li jagħmel ħsara lil uliedna, jew se npoġġuhom f’sitwazzjoni li jħossuhom emarġinati minn sħabhom. B’din l-inizjattiva l-ġenituri Maltin u Għawdxin issa għandhom alternattiva. Aktar ma jkun hemm ġenituri li jiftehmu li jtawlu ż-żmien ta’ meta jixtrulhom smartphone, aktar tonqos il-pressjoni kemm minn fuq it-tfal, kif ukoll minn fuq il-ġenituri.”
Elaine tinsisti li l-iskop tal-grupp hu li joħloq solidarjetà. “Mhux kulħadd għandu l-istess kundizzjonijiet, imma meta ningħaqdu, inħossu li nistgħu nkunu aktar b’saħħitna bħala ġenituri u ngħinu lil xulxin nieħdu deċiżjonijiet aħjar.”
F’Għawdex, il-komunità bdiet f’Jannar b’ġenituri ta’ tfal fir-raba’ sena iżda qed tespandi malajr, bl-għan li tkopri l-iskejjel primarji kollha. Hi tfaħħar ukoll lill-kap tal-iskola primarja tal-gvern ta’ Għawdex, Lelio Spiteri, li jgħinhom fit-tixrid tal-messaġġ. “Mingħajru ma konniex naslu fejn wasalna. Il-‘Happy School’ tiegħu saret ċentru ta’ din il-bidla.”
Il-ġenituri fil-grupp joħolqu ħolqiet jew bl-Ingliż links għal artikli u vidjows edukattivi dwar sigurtà diġitali, sesswalità, u protezzjoni online. Din l-inizjattiva tirrakkomanda li tfal li jibda jkollhom bżonn iżommu kuntatt mal-ġenituri jew mal-ħbieb, ikollhom mobiles bażiċi minflok smartphones.
Għat-tfal akbar, il-moviment internazzjonali Smartphone Free Childhood jirrakkomanda wkoll telefowns moderni li jidhru bħall-smartphones iżda ma jappoġġjawx apps tas-social media, biex jevitaw li jkun hemm kontenut espliċitu jew manipulattiv.
Il-komunità qed tikber tant li issa qed jikkunsidraw gruppi differenti, fosthom wieħed għall-ġenituri li t-tfal tagħhom diġà għandhom smartphone, biex jaqsmu ideat dwar kontrolli tal-ġenituri u limiti sikuri.
Elaine tgħid b’ċertezza: “Aħna mhux kontra t-teknoloġija, imma favur tfulija bilanċjata. Irridu li wliedna jkollhom ħin għal-logħob, għal ħbiberiji veri, u biex jikbru b’saħħithom mentalment u emozzjonalment.”
U bi tbissima żgħira żżid: “Jekk nibdew minn issa, nistgħu nkunu l-ġenerazzjoni li trabbi tfal li mhumiex imwaħħlin mal-iskrin, imma marbuta mal-ħajja reali.”
Il-messaġġ finali ta’ Elaine Pavia Grima huwa ċar, l-għażla li tħalli lil ibnek jew bintek mingħajr smartphone mhix att li ċċaħħadhom minn xi ħaġa, imma ta’ protezzjoni. Huwa mod kif tgħinhom jikbru b’awtokuxjenza, ħiliet soċjali u ħajja aktar vera lil hinn mill-filtri u l-“likes” li l-midja soċjali kapaċi tiġġenera.
Instagram: @smartphonefreechildhoodmalta
Pagna fuq Facebook: “Smartphone Free Childhood Malta & Gozo”