Thursday, December 26, 2024

“L-għażla tad-data li fiha l-pajjiż se jmur għal elezzjoni mhux se tkun kundizzjonata b’min ikun kap tal-PN” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

https://www.facebook.com/robertabela.mt/videos/2748735078704965/

Il-Prim Ministru Robert Abela meta intervistat mill-Professur Andrew Azzopardi dalgħodu qal li l-istatistika f’dan il-perjodu tikkonferma dwar ir-reżiljenza ta’ pajjiżna.

Qal li dan il-gvern f’mument ta’ pandemija qed imexxi l-pajjiż b’mod aħjar mill-amministrazzjoni preċedenti meta dawn lanqas biss kellhom sitwazzjoni bħal din tal-pandemija.

Mistoqsi dwar Joseph Muscat u jekk dan għandux jitwarrab, Abela qal li jekk ikun hemm il-waqt li jittieħdu deċiżjonijiet kemm dwar Muscat kif ukoll persuni oħra, mhux se jkun qed iħares lejn l-uċuħ, iżda lejn l-interess tal-pajjiż. Abela kkjarifika li hu jħalli f’idejn il-mertu tal-ħidma tal-Pulizija biex issir ġustizzja b’mod diskriminat.

Rigward Keith Schembri u jekk dan hux se jitressaq il-Qorti, Abela qal li għandu jkun il-kummissarju tal-Pulizija li jwieġeb dawn il-mistoqsijiet li qed jiġi mistoqsi fejn tidħol ġustizzja. Rigward il-verżjoni tal-mowbajl, Abela qal li hu diġà qal li hu ma jaqbilx mal-verżjoni ta’ Keith Schembri.

Rigward l-istituzzjoni tal-ħabs qal li minn Diċembru sal-lum żar il-post darbtejn, u ma esperjenzax il-makabrità msemmija minn Azzopardi.

Filwaqt li qabel li l-kundizzjonijiet għandhom ikunu dinjitużi, Abela qal li meta żar il-post hu, seta’ jinnota indafa u ċertu sens ta’ rispett lejn l-uffiċjali. Rigward l-aspett riformattiv, il-PM qal li min jiżbalja jrid iħallas għal għemilu.

Dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni, Azzopardi staqsa għalfejn is-27 immigrant li ilhom 30 ġurnata fuq tanker baqgħu ma ddaħlux. Abela qal li dawn ma kinux destinati lejn Malta, iżda lejn id-Danimarka u għalhekk filwaqt li jifhem l-aspett umanitarju, jifhem ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin li għalihom l-immigrazzjoni hija pjaga u se jżomm sod fil-pożizzjoni tiegħu.

Dwar il-briedel l-PM qal li personalment huwa kontra li dawn jinfetħu f’pajjiżna. Il-PM kkonferma li l-għażla tad-data li fiha l-pajjiż se jmur għal elezzjoni mhux se tkun kundizzjonata b’min ikun kap tal-Partit Nazzjonalista. Qal li l-poplu mhux se jinsa li f’perjodu ta’ pandemija, il-partit Nazzjonalista bħala oppożizzjoni ħolqot contest ta’ Leadership. Qal li għandna żewġ kontestanti bi problema komuni li hija l-kwistjoni tat-taxxa, imma aktar minn hekk id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom.

Ekonomija

Sport