Saturday, July 20, 2024

L-għeluq tal-inkjesti djoċesani għall-kawżi tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-koppja Henry u Inez Casolani

Aqra wkoll

L-għeluq tal-inkjesti djoċesani għall-kawżi tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-koppja Henry u Inez Casolani. Id-dokumetazzjoni u x-xhieda li nġabru mill-2015 f’dawn iż-żewġ inkjesti, issa se jintbagħtu Ruma sabiex id-Dikasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin fi ħdan is-Santa Sede jeżamina l-informazzjoni miġbura dwar il-ħajja qaddisa u l-fama tal-qdusija ta’ din il-koppja. Il-Postulatur li kkordina l-ħidma fuq iż-żewġ kawżi kien Patri Josef Sciberras OSA, filwaqt li x-xhieda ġiet miġbura minn membri tat-Tribunal Metropolitan.

Henry u Inez Casolani huma l-ewwel koppja lajka Maltija li ngħalaq il-proċess djoċesan għall-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tagħhom.

Ir-rit tal-għeluq tal-inkjesti u l-quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla li tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna, saru fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, l-istess knisja li fiha, Henry u Inez Casolani, iżżewġu 80 sena ilu.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal: “Dawn il-ħitan, li 80 sena ilu kienu xhieda tal-kunsens tal-wegħda tal-imħabba bejn Henry u Inez Casolani, illum huma xhieda wkoll ta’ pass importanti fir-rikonoxximent ta’ dak kollu li Alla għamel fihom u permezz taghhom. Jalla l-Mulej jagħżilhom bħala xhieda tal-imħabba tiegħu, ta’ eżempju ta’ fedeltà, umiltà u qdusija mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.”

“Nirringrazjaw lill-Mulej tal-ħniena li wera ma’ Henry u Inez Casolani li laqgħu s-sejħa tiegħu li jgħixu l-ħajja ta’ miżżewġin u li fiha jsibu l-ħniena u l-qdusija. Permezz ta’ Henry u Inez Casolani,” kompla jgħid l-Arċisqof Scicluna, “il-Mulej qed jagħtina eżempju. Ma hemmx għalfejn ngħidilkom kemm għandna bżonn ta’ mħabba leali fiż-żwieġ, anke fil-ġurnata tal-lum. Fihom irridu nsellmu lil tant miżżewgin qaddisin oħra qaddisin li l-Mulej biss jaf bihom”.

Fost il-mistiedna preżenti għall-għeluq tal-inkjesti kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, l-Arċisqof Emeritu ta’ Malta Pawlu Cremona OP, u Sr Cecilia Casolani, bint il-koppja Casolani u llum hi s-Superjura ta’ Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar li hi mmexxija mis-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni. Waqt il-quddiesa kkonċelebraw l-Isqof Sandro Overend Rigillo OFM, l-Arċisqof Emeritu George Frendo OP, il-Provinċjal tal-Agostinjani Patri Leslie Gatt OSA u saċerdoti oħra.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport