Monday, July 15, 2024

“Proġett li jpoġġi lill-familji fil-qalba billi ngħatat pjazza oħra lin-nies”

il-Ministru Miriam Dalli dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u x-xatt tal-Kalkara

Aqra wkoll

Il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u x-xatt tal-Kalkara, xogħol li twettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) sar b’investiment ta’ madwar €5.5 miljun. B’dan il-proġett inħoloq spazju miftuħ għall-familji ta’ 16,500 metru kwadru fil-qalba tal-komunità, żona pedonali ta’ 3,000 metru kwadru fl-istess pjazza, promenade imsebbaħ bi street furniture u sistema ta’ dawl aħjar, bandli ġdid u sistema ġodda ta’ servizzi flimkien ma’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli ġodda li komplew isebbħu d-dehra tal-qalba tal-Kalkara.

Qalet dan Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fil-Parlament meta kienet qed twieġeb mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Bernice Bonello.
Il-Ministru Dalli spjegat kif dan huwa proġett importanti fost proġetti oħra ta’ kwalità li għaddejjin fil-Kottonera għax fi kliemha “nemmnu fil-potenzjal ta’ din iż-żona.”

Hija qalet ukoll li dan huwa proġett li fuq kollox ipoġġi lill-familji fil-qalba billi ngħatat pjazza oħra lin-nies fejn post li kien okkupat mill-vetturi issa sar spazju għat-tgawdija tal-familji filwaqt li x-xatt hu isbaħ biex jitgawda minn kulħadd. Spjegat illi l-esiġenzi kummerċjali issa qed jinqdew b’service road waqt li t-traffiku normali qed jgħaddi minn triq ġdida li nbniet aktar viċin tal-baħar.

Irrimarkat li x-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll sistemi ġodda għas-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ, waqt li f’parti sostanzjali taż-żona sar culvert biex minnu jgħaddu servizzi tal-elettriku. Dan filwaqt, li l-promenade ġie mgħammar bi street furniture, railing, sistemi tad-dawl ġodda, bankijiet kif ukoll saret sistema ta’ rrigazzjoni għat-tisqija tas-siġar u l-arbuxelli li tħawlu, waqt li l-pjazza ġiet attrezzata wkoll b’sistema ta’ CCTV cameras.

Enfasizzat li dan hu proġett ewlieni li permezz tiegħu l-Kalkara sbieħet, is-servizzi ġew immodernizzati u ngħata spazju li permezz tiegħu ċ-ċentru tal-lokalità sar tassew il-qalb tal-Kalkara. Dan il-proġett huwa wkoll simbolu tal-impenn tal-Gvern li jkompli joħloq aktar spazji miftuħa, fejn il-komunità, il-familji u n-nies jistgħu jiltaqgħu, fejn bl-attivitajiet ekonomiċi u kulturali, jiġu offruti mumenti ta’ serħan għar-residenti u anke lil min iżur il-gżejjer.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport