Saturday, December 21, 2024

L-Għid f’Għawdex – Xahar ta’ attivitajiet marbutin mal-arti, il-fidi, u t-tradizzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm tal-Għid f’Għawdex, immirat għall-familja kollha. L-attivitajiet relatati mar-Randan, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir f’Għawdex se jibdew fl-1 ta’ Marzu u jibqgħu sejrin sal-31 ta’ Marzu 2024.

Il-Ministru Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li għal sena oħra l-jiem relatati mal-festi tal-Għid se jkunu mimlijin avvenimenti li jattiraw kemm lin-nies tal-lokal kif ukoll lil dawk kollha li jagħżlu li jżuru l-gżira Għawdxija f’dawn il-jiem u b’hekk jagħmlu l-esperjenza tal-Għid il-Kbir waħda awtentika.

“L-għan tagħna huwa li mhux biss nattiraw it-turiżmu matul dawn il-ġranet iżda li nżommu wkoll ħajjin u nsaħħu t-tradizzjonijiet u l-valuri tagħna li baqgħu jintirtu maż-żmien u dawk li jżuruna jkollhom l-opportunità jesperjenzawhom. Nirringrazzja lill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru li jkunu għaddejjin b’ħidma ma taqtax sabiex għal darb’oħra jħejju programm ta’ ċelebrazzjonijiet xierqa f’dawn il-jiem sagri,” tenna l-Ministru Camilleri.

Il-programm ta’ attivitajiet ‘L-Għid f’Għawdex’ mħejji mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jinkludi diversi funzjonijiet, purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, għadd ta’ kunċerti ta’ mużika sagra, bosta esibizzjonijiet tal-arti viżiva, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir bl-Istatwa tal-Irxoxt, kif ukoll attivitajiet għat-tfal, fost oħrajn.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li Għawdex għandu ħafna x’joffri minbarra s-sbuħija naturali u huwa għalhekk li l-gżira Għawdxija qiegħda tkun l-għażla naturali ta’ kull staġun.

Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit eventsingozo.com jew jidħol fuq https://issuu.com/visitgozo/docs/easter_in_gozo_2024 sabiex jaċċessa l-programm sħiħ.
 

Ekonomija

Sport