Tuesday, December 24, 2024

“L-għoli tal-ħajja hija realtà li qiegħda tolqot lil kulħadd”

- Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista li kellu kompla jisħaq li flus il-poplu intremew fil-ftehim li sar tal-isptarijiet u filwaqt li nsista li l-PN se jkompli jara li tibqa’ joħroġ il-verità fir-rigward, saħaq li bil-proposti tiegħu u anke tmexxija jekk jilħaq fil-Gvern, huwa se jindirizza l-għoli tal-ħajja.

“L-għoli tal-ħajja hija problema reali. Smajna kemm-il darba d-diffikultajiet li qegħdin jgħaddu minnhom in-nies fejn jidħol faqar u housing. Din hija realtà li qiegħda tolqot lil kulħadd u mhux lill-fqar biss għax issa hemm ukoll dawk il-familji bi dħul medju,” spjega Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm persuni li qiegħed “jirriddisinjaw” il-mod ta’ kif jgħixu għax l-għafsa tal-għoli tal-ħajja qiegħda tikber. Bħal dejjem, huwa tefa’ t-tort fuq il-Prim Ministru Robert Abela fejn saħaq li pajjiżi oħra qegħdin jindirizzaw din il-problema, mentri huwa jgħid li ma jista’ jagħnel xejn. Barra minnhekk, Grech ma naqas li jsemmi li l-PN għadda diversi proposti fosthom li jkun hemm fond ta’ €40 miljun jew aktar ħalli jgħinu fl-ispejjeż l-importaturi u l-esportaturi.

“Ħriġna b’oħrajn fosthom dik li ma tiġix intaxxata l-KOLA, iż-żieda li jkun qiegħed jagħtik min iħaddmek. Illum għandna lil MEA u ċ-Chamber of SMEs li qablu magħna. Għidna wkoll li l-employer jiġi mgħejjun b’inċentivi fiskali biex ma jħossx iż-żieda ħalli nevitaw ċirku vizzjuż. Aħna nagħtu s-soluzzjonijiet fuq platt tal-fidda u l-Gvern ma jilqagħhomx,” allega l-Kap tal-PN.

Grech saħaq li l-viżjoni tal-PN tagħmel sens u hija riċerkata. Viżjoni li tista’ tagħmel il-ġid lill-pajjiż. Filwaqt li nsista li bħala partit jemmnu fil-viżjoni li għandhom, wiegħed li se jibqgħu joħorġu bis-soluzzjonijiet. Grech sostna li jekk ikun fil-Gvern huwa se jifhem li l-flus huma tal-poplu u li jrid jamministrahom sewwa.

“Importanti li nonfqu imma rridu nattiraw investimenti barranin. Irridu li l-pajjiż ikollu reputazzjoni tajba u nsaħħu lis-setturi ekonomiċi tagħna li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Irridu li jkollna ekonomija ta’ kwalità. Mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm xogħlijiet li jkissru u jneħħu l-valur ta’ siti storiċi għax inkella x’se jippreservawh għal uliedna? Ma nistqgħux neqirdu l-ambjent. Għandna obbligu li naraw li nippreservaw l-ambjent li ġejna fdati bih biex inħalluh għal dawk li jiġu warajna,” issokta Bernard Grech.

Ekonomija

Sport