Friday, May 3, 2024

L-GĦOLI TAL-ĦAJJA U L-IMPORTANZA LI NIPPROTEĠU LIŻ-ŻGĦIR

Aqra wkoll

Il-prezz stabbli tal-enerġija wassal biex f’Malta għandna l-inqas rata ta’ għoli tal-ħajja fl-Ewropa. Minkejja dan, iż-żieda fil-prezzijiet qiegħda tinħass speċjalment minn dawk li jifilħu l-anqas. F’dawn iċ-ċirkostanzi huwa importanti li nieħdu ħsieb liż-żgħir mingħajr ma ngħabbu piżijiet fuq in-negozji tagħna.

Madwar l-Ewropa kollha l-għoli tal-ħajja qiegħed jinħass sew. Il-prezzijiet fl-Ewropa żdiedu b’ rata ta 5% matul is-sena l-oħra, l-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja li qatt rajna fiż-żona Ewro. L-istess fl-Istati uniti, il-prezzijiet żdiedu f’livelli li rajnihom l-aħħar 40 sena ilu – fi żmien il-President Ronald Reagan. 

Ix-xokk ekonomiku tal-pandemija wara din iż-żieda fil-prezzijiet 

Essenzjalment dan kollu huwa riżultat tax-xokk ekonomiku li ġabet magħha l-pandemija. Fil-fatt hekk kif l-ekonomija globali letteralment waqfet fl-2020, ħafna kumpaniji qegħdin isibuha diffiċli li jerġgħu jilħqu il-livell ta’ produzzjonji li kellhom qabel il- pandemija. Dan minħabba li ħafna kumpaniji tilfu l-ħaddiema tagħhom jew inkella għandhom problema sabiex iġibu lejn il-fabbriki tagħhom materjal li jużaw fil-produzzjoni. Issa ġara li hekk kif l-ekonomija globali bdiet tirkupra sew, u d-domanda għall-prodotti bdiet tiżdied, il-produzzjoni mhux tlaħħaq u l-prezzijiet għal bosta prodotti qegħdin jiżdiedu.

L-istess haġa ġara fis-suq tal-enerġija. Hekk kif il-prezzijiet qegħdin jiżdiedu sew anke minħabba riskji kbar marbutin mal-incertezza bejn ir-Russja u l-punent.

Malta bl-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Ewropa – nofs dak li kellna fl-2008

F’Malta l-għoli tal-ħajja qiegħed jinħass wkoll għalkemm is-sitwazzjoni hija bil-bosta aħjar mis-sitwazzjoni allarmanti li jinsabu fiha ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

Fil-fatt l-għoli tal ħajja f’pajjiżna bħalissa laħaq it-2.6%. Din hija l-anqas żieda fil-prezzijiet fiż-żona Ewro kollha u kważi nofs ir-rata tal-għoli tal-ħajja li kellna f’ pajjiżna stess eżatt wara l-kriżi finanzjarja tal 2008 fejn il-prezzijiet f’sena biss kienu laħqu record ta’ kważi 5%. 

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li minħabba li aħna nimportaw ħafna mill-prodotti li nixtru, l-inflazzjoni f’pajjiżi barranin inħossuha mill-ewwel u b’mod dirett. Fil-fatt l-aktar prodotti li qegħdin jaraw żieda fil-prezzijiet f’Malta huma il-prodotti tal-ikel u x-xorb li żdiedu b’ aktar minn 5% kif ukoll prodotti li jintużaw fid-djar bħal għamara u appliances. 

L-importanza tal-prezzijiet stabbli fis-settur tal-enerġija 

Madwar id-dinja kollha l-aktar prezzijiet li qegħdin jogħlew huma dawk marbutin mal-enerġija. Dan hekk kif Il-prezzijiet tal-elettriku, ilma u gas żdiedu bi kważi 10% ġewwa l Ewropa u b’xejn inqas minn 30% fl-Istati Uniti.  Dan qed iwassal għal sitwazzjonijiet xejn sbieħ fejn persuni bi dħul baxx qegħdin ikunu ffaċċjati b’realtajiet fejn ikollhom jagħżlu jekk isaħnux djarhom jew jagħmlux ix-xirja tal-ikel. 

F’Malta din iż-żieda rampanti fil-prezzijiet tal-eletriku ma seħħitx minħabba raġuni ewlenija: Il-politika ta’ stabbiltà li adotta l-gvern Malti fil-qasam tal-enerġija. Fil-fatt statistika maħruġa mill-NSO turi biċ-ċar li is-settur tal-enerġija f’pajjiżna kien l-unika wieħed li ma ra l-ebda tibdil fil-prezzijiet tiegħu matul is-sena l-oħra. Dan jikkuntrasta mhux ftit ma’ dak li seħħ f’Malta fl-2008 meta il kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu żdiedu bin-nofs u kellhom impatt drammatiku fuq l-għoli tal-ħajja.

Il-politika ta’ stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija hija wkoll ir-raġuni ewlenija għalfejn l-għoli tal-ħajja f’Malta huwa materjalment ħafna anqas minn dak fl-Ewropa.

400 prodott u 10,000 stima

Il-bidla fil-prezzijiet titkejjel minn xahar għal xahar skond il-bidla fil-prezzijiet ta’ dik li titqies bħala x-xirja medja f’pajjiżna. F’din ix-xirja huwa kkalkulat li hemm aktar minn 400 prodott jew servizz u kull xahar jintalbu mal-10,000 stima għal prezzijiet ta’ dawn il-prodotti. Minn xahar għal xahar din ix-xirja ma tinbidilx imma il-prezzijiet jinbidlu u proprju dak it-tibdil jitqies bħala ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

Skont iż-żieda f’din ir-rata, tinħadem b’mod awtomatiku dik li hija l-COLA, jew aħjar iż-żieda li tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja li titħabbar ta’ kull sena fil-budget.

Iżda iż-żieda fl-għoli tal-ħajja ma tinħassx minn kulħadd bl-istess mod

Filwaqt li l-mod li bih titkejjel l-inflazzjoni huwa wieħed pjuttost raġonevoli, wieħed jista’ japprezza wkoll li fil-verità x-xirja medja qajla tkun l-istess minn xahar għal xahar u fuq kollox żgur li ma tkunx l-istess minn persuna għal oħra. 

Din hija r-raġuni għalfejn f’għajnejn ħafna nies l-għoli tal-ħajja normalment ikun aktar qawwi minn dak li jkun rappurtat fl-istatistika uffiċjali.

B’mod partikolari l-faxxa tan-nies li jifilħu l-anqas, bħal pensjonanti u anke nies bi dħul baxx, huma l-aktar li qegħdin ikunu affettwati miż-żieda fil-prezzijiet. Dan minħabba li għal dawn il-familji, il-porzjon mill-flus li jonfqu f’affarijiet essenzjali bħall-ikel u l-enerġija jkun ħafna aktar għoli mill-medja tal-poplazzjoni. 

Persuni bi dħul baxx jonfqu 13% aktar fl-ikel u fl-enerġija mill-medja

Persuna medja F’Malta hija stmata li tonfoq 25% tal-paga tagħha f’ikel, xorb u kontijiet tad-dawl, ilma u gas. Kif għedna aktar qabel, filwaqt li l-ikel qiegħed jogħla b’rata konsiderevoli u ftit hemm x’wieħed jista’ jagħmel biex jistabbilizza dan il-prezz, il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta huma fost l-orħos fl-Ewropa u żgur l-aktar stabbli fl-Ewropa kollha.

Minkejja dan, huwa kkalkulat li f’Malta, pensjonanti u persuni li jaqilgħu anqas minn €12,500 fis-sena, jonfqu kważi 38% tad-dħul tagħhom f’dawn iż-żewġ setturi. Dan ifisser li dawn in-nies qegħdin iħossu ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel ħafna aktar mill-medja għaliex bilfors ikollhom jonfqu kważi 13% aktar mill-flus tagħhom fl-ikel u l-elettriku. 

Kieku ma intervjeniex il-gvern, il-prezzijiet illum huma 30% aktar għoljin

Fil-fatt għal dawn in-nies l-għoli tal-ħajja llum huwa eqreb lejn it-2.9%, hekk kif ix-xirja tagħhom hija esposta aktar lejn prezzijijet tal-ikel. Madankollu l-fatt li l-gvern intevjena u żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija fiż-żona Ewro kienet kruċjali biex l-għoli fil-prezzijiet jinżamm taħt kontroll. Kieku il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta għolew daqs tal-medja Ewropea, kieku llum l-inflazzjoni għall-faxxa ta’ nies li huma l-aktar finanzjarjament vulnerabbli qiegħda eqreb lejn it-3.3% – kważi 30% aktar mir-rata li għandna llum.

Nwieżnu liż-żgħir u lill-vulnerabbli

Dak li qed jiġri bħalissa għandhu jiftħilna għajnejna. Il-Gvern Malti qed jimxi b’mod għaqli meta jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Madankollu, il-gvern ma jistax iżomm il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali stabbli bl-istess mod. 

Għaldaqstant huwa importanti li fi żminijiet bħal dawn fejn l-għoli tal-ħajja jibda jiżdied b’mod sinjifikanti, nifhmu li ż-żgħir huwa dejjem aktar espost għall-għoli tal-ħajja mill-kumplament tas-soċjetà. Għalhekk hemm bżonn li jinstab mekkaniżmu li jwieżen liż-żgħir mingħajr ma jżid il-piż fuq in-negozji hekk kif dawn huma l-mutur li jkattar il-ġid fl-ekonomija tagħna.

Sport