Matul tmiem il-ġimgħa li ġej, se tkun qed tittella’ l-għoxrin edizzjoni ta’ ‘Żejt iż-Żejtun’, festa folkloristika li tiċċelebra t-tradizzjoni tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, filwaqt li tippromwovi l-wirt kulturali u l-prodotti agrikoli lokali. L-attività se ssir fiċ-ċentru taż-Żejtun is-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Ottubru, b’programm ta’ attivitajiet li jgħaqqad il-folklor, il-gastronomija, l-istorja u t-tradizzjonijiet Maltin.
Id-dettalji ta’ din l-edizzjoni mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli u s-Sindku taż-Żejtun Joan Agius.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-Gvern ikompli jappoġġja inizjattivi li jħarsu t-tradizzjonijiet Maltin, isaħħu l-identità tal-lokalitajiet u joħolqu aktar opportunitajiet għall-komunitajiet lokali. “Bħalma għamilna fl-edizzjonijiet preċedenti, permezz tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi qed nagħtu l-appoġġ finanzjarju tagħna biex attivitajiet bħal ‘Żejt iż-Żejtun’ ikomplu jsiru u jkomplu jżommu ħajja t-tradizzjonijiet li sawru l-identità tagħna,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Hija kompliet tgħid li dan l-appoġġ jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jaħdem flimkien mal-kunsilli lokali biex ikompli jsaħħaħ il-ħidma tagħhom favur il-komunitajiet u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali Malti.
Is-Sindku taż-Żejtun irringrazzjat lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi għall-appoġġ finanzjarju li qed jingħata biex tkun tista’ tittella’ din l-attività. Hija spjegat li l-isem Żejtun, huwa marbut mal-frott tas-siġar taż-żebbuġ, u din il-festa, organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, għandha l-għan li tkompli tqajjem interess fil-kultivazzjoni tas-siġra taż-żebbuġ u fl-importanza taż-żejt taż-żebbuġa bħala prodott agrikolu u parti mit-tradizzjoni Maltija.
Il-programm jibda s-Sibt 24 ta’ Ottubru fis-7.30pm bil-ħruġ tad-defilé tal-Granmastru, akkumpanjat minn tnabar, daqqaqa, żeffiena u raħħala jġorru ż-żebbuġ lejn iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M., fejn isir it-tberik tal-qfief biż-żebbuġ.
Matul is-serata se jkun hemm preżentazzjoni dwar il-varjetajiet tas-siġra taż-żebbuġ, dimostrazzjoni tal-għasir u dewqan taż-żejt frisk mal-ftajjar. Se jinbiegħu wkoll prodotti tradizzjonali Maltin.
Matul din l-attività, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità jżur diversi siti storiċi u kulturali fiż-Żejtun. Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina Verġni u Martri, fl-Oratorju, fil-Karnirja u fis-Sala Parrokkjali, se jkun esebit il-kwadru magħruf li juri l-qtugħ ir-ras ta’ Santa Katarina, li għandu konnessjoni ma’ Caravaggio. Se jkunu possibbli wkoll żjarat fil-Pandora u fil-każini tal-baned taż-Żejtun, fejn se jkun hemm wirjiet relatati mal-istorja u l-identità tal-lokalità.
Il-festa tkompli l-Ħadd 25 ta’ Ottubru mit-8.00am ’il quddiem fi Ġnien l-Għannejja Żwieten, magħruf ukoll bħala Ġnien San Girgor, bit-tberik tal-annimali. Matul din l-attività se jkun hemm ukoll kant folkloristiku, logħob tradizzjonali għat-tfal u diversi stands.
