Trump issospenda s-sanzjonijiet kontra r-Russja biex jissoktaw in-negozjati tal-paċi

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li d-deċiżjoni tiegħu li jissospendi diversi sanzjonijiet li kienu mposti kontra r-Russja hija sforz biex ir-Russja tinżamm fuq il-mejda tan-negozjati.

Fuq il-pjattaforma tal-messaġġi tiegħu, Truth Social, Trump qal li kien jinsab fil-proċess li jinnegozja l-paċi fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u żied jgħid li ma riedx jagħmel xi ħaġa li, b’xi mod tbiegħed lir-Russja mill-mejda tan-negozjati.

Nhar il-Ġmgħa filgħaxija, jumejn qabel ma kellhom jidħlu fis-seħħ, Trump imblokka numru ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, fi żmien meta kompliet teskala t-tilwima mal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Nhar il-Ħadd, Zelensky ġie kkwotat mill-NBC News li qal li kieku xi ħadd jieħu n-naħa tal-President Russu Vladimir Putin, dan ikun “żball storiku”.

L-mibgħut Russu Kirill Dmitriev irreaġixxa b’mod pożittiv għall-ordni ta’ Trump u ddeskriviha bħala “mument importanti u storiku”. Huwa qal ukoll li s-sanzjonijiet li – kienu ġew approvati mill-Kungress tal-Istati Uniti u ffirmati bħala liġi mill-President Donald Trump f’Settembru – kienu se jikkaġunaw “ħsara serja” lis-suq Amerikan u dak globali.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio ddeskriva s-sospensjoni tas-sanzjonijiet bħala waqfa ta’ 60 jum, li matulha se jiġi analizzat l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-ekonomija Amerikana u dik globali.

Fil-messaġġ tiegħu fuq Truth Social, Trump tefa l-ħtija fuq Zelensky li ma jridx itemm din il-gwerra, u probabbilment qatt ma ried, filwaqt li żied jgħid li sentejn iliu seta’ jagħmel ftehim aħjar milli jista’ jagħmel issa.

Ir-relazzjonijiet bejn Washington u Kyiv saru tensi wara li, il-ġimgħa li għaddiet, l-Istati Uniti kkonkludiet ftehim kontroversjali biex timporta d-diesel mir-Russja. 

Minkejja s-sanzjonijiet internazzjonali, ir-Russja xorta rnexxielha tesporta kwantita ta’ żejt, li parti kbira minnu jmur lejn iċ-Ċna u l-Indja – spiss bi prezzijiet imraħħsa b’mod attraenti.

Skont iċ-ċentru ta’ riċerka Centre for Research on Energy and Clean Air (CREA), iċ-Ċna ħadet madwar nofs l-esportazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat mir-Russja, filwaqt li l-Indja ħadet madwar 37%.

Waqt kummenti f’summit tal-Unjoni Ewropea – wara li Trump ħabbar il-ftehim biex jinxtara d-diesel mir-Russja u qal li kien aktar diffiċli tittratta ma’ Zelensky milli ma’ Putin – Zelensky stqarr li kien il-pjaċir tiegħu li jkun fost “mexxejja veri”.

Zelensky insista ripetutament fuq sanzjonijiet ħorox biex jiġi limitat il-finanzjament li r-Russja tista’ tuża fl-isforz tagħha tal-gwerra. Madankollu, wara l-aħħar mossa mill-Istati Uniti, huwa qal li jemmen li l-amministrazzjoni ta’ Trump se tneħħi aktar sanzjonijiet kontra r-Russja.

L-Ukrajna u l-alleati Ewropej tagħha kkritikaw il-pjanijiet ta’ Trump biex jimporta d-diżil Russu bil-għan li jgħin biex jonqsu l-prezzijiet tal-enerġija fl-Istati Uniti, li żdiedu drastikament matul il-gwerra fl-Iran.

Skont Zelensky, dan il-ftehim kien ekwivalenti għal investiment mill-Istati Uniti fl-isforz tal-gwerra tar-Russja.

It-tħassib li Trump qed jieħu n-naħa tar-Russja żdied minħabba t-tfixkil fis-sistema satellitari Starlink — ipprovduta mill-Istati Uniti u użata mill-Ukrajna — fatt li xekkel il-kapaċità ta’ Kyiv li tiddefendi ruħha mill-attakki Russi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport