Riżorsi Agrikoli Malta (RAM), bħala s-sieħeb Malti fil-proġett PROTECHMED, organizzat l-ewwel Info-Day f’Malta, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Gvern, riċerkaturi, istituzzjonijiet edukattivi, bdiewa u operaturi privati sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet innovattivi għas-settur tas-serer fil-Mediterran.
Il-proġett PROTECHMED, kofinanzjat minn fondi Ewropej permezz tal-programm Interreg NEXT MED, għandu investiment totali ta’ aktar minn €2.3 miljun, li minnhom €226,500 huma allokati lil Riżorsi Agrikoli Malta. L-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, tal-enerġija u ta’ riżorsi oħra, filwaqt li jsaħħu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-produzzjoni agrikola fis-serer.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti qal li dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintużaw biex jappoġġjaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-settur agrikolu. “Permezz tal-fondi Ewropej qed ninvestu f’inizjattivi li jgħinu lis-settur agrikolu jiffaċċja l-isfidi tal-lum u jipprepara għal dawk tal-futur. PROTECHMED qed joħloq opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni, taħriġ u trasferiment tal-għarfien bejn pajjiżi Mediterranji. Dan l-investiment għandu l-għan li jwassal għal benefiċċji konkreti għall-bdiewa tagħna, permezz ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti u prattiċi agrikoli aktar sostenibbli,” tenna l-Ministru Keith Azzopardi Tanti.
Matul l-attività, rappreżentanti ta’ SVIMED – EuroMediterranean Center for the Sustainable Development ippreżentaw l-istruttura tal-proġett u diversi case studies, filwaqt li Riżorsi Agrikoli Malta spjegat kif dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jiġu adattati għall-kuntest Malti. Saret ukoll diskussjoni b’parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-Ministeru għall-Agrikoltura, l-MCAST, SVIMED u s-settur privat.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Riżorsi Agrikoli Malta, Dr Marielise Tabone, spjegat li l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan il-proġett qed toħloq opportunitajiet għall-bdiewa, ir-riċerkaturi u l-operaturi tas-settur biex jibbenefikaw minn għarfien u teknoloġiji innovattivi żviluppati madwar il-Mediterran.
Permezz ta’ PROTECHMED, il-bdiewa Maltin se jkollhom l-opportunità li jidentifikaw teknoloġiji ta’ interess għas-settur tas-serer, jipparteċipaw f’taħriġ u jżuru siti f’pajjiżi sħab sabiex jaraw dawn it-teknoloġiji jitħaddmu fil-prattika. Il-proġett jista’ wkoll iwitti t-triq għal inizjattivi futuri appoġġjati minn fondi Ewropej sabiex dawn is-soluzzjonijiet jiġu introdotti fuq livell lokali.
PROTECHMED jiġbor flimkien istituzzjonijiet akkademiċi, ċentri ta’ riċerka u organizzazzjonijiet agrikoli minn Malta, il-Greċja, l-Italja, it-Turkija, il-Libanu u t-Tuneżija, taħt it-tmexxija tal-Università ta’ Thessaly. Din il-kollaborazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-iskambju tal-għarfien u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji sostenibbli li jindirizzaw l-isfidi komuni tal-agrikoltura Mediterranja.
L-ewwel Info-Day f’Malta jimmarka l-bidu ta’ sensiela ta’ attivitajiet li se jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn il-bdiewa, ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet, bil-għan li l-innovazzjoni tissarraf f’benefiċċji konkreti għas-settur agrikolu.
