Kull jum li jgħaddi qed iqarribna lejn il-jum deċiżiv li fih il-poplu se jiddeċiedi d-destin tiegħu. Fin-nofs mhemmx biss il-futur tal-ġenerazzjoni preżenti, imma ta’ bosta ġenerazzjonijiet li jridu jiġu warajna. Meta tinkiteb l-istorja ta’ dan iż-żmien, żgur li dawk li jiktbuha, bilfors ikollhom iqisuha bħala waħda ferm kritika u diffiċli għal dawk li għexu l-maltempati kbar li seħħew f’dawn is-snin.
Il-pandemija tal-COVID-19 madwar id-dinja mhux biss ħasdet il-ħajja ta’ miljuni u mardet mijiet ta’ miljuni oħrajn, iżda talli wkoll heżżet is-sisien ta’ strutturi u sistemi ekonomiċi, kummerċjali, industrijali u finanzjarji tal-aqwa pajjiżi.
Rajna wkoll b’għajnejna kif sistemi tas-saħħa pubblika mal-erbat irjieħ tad-dinja marru l-baħar, sptarijiet staġnati, kollass fil-kura, nuqqas ta’ mediċini u skarsezza fit-tilqim kontra din l-imxija qerrieda.
Rajna wkoll l-ekonomiji globali jinxtorbu, miljuni ta’ nies bla xogħol, waqt li gvernijiet mifnijin mill-kriżi doppja, jissikkaw iċ-ċintorin, billi jnaqqsu l-benefiċċji, il-pensjonijiet, is-servizzi soċjali u anke l-pagi. Fl-istess ħin, jgħollu t-taxxi eżistenti u jivvintaw taxxi ġodda.
Ma nistgħux ma nqabblux dak li ġara f’pajjiżna ma’ dak li għaddew minnu pajjiżi oħra inkluż dawk Ewropej. Ma nistgħux xi darba ninsew it-tifħir li rċieva l-Gvern sa din il-ġimgħa mingħand l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-mod għaqli u professjonali li kkonfronta l-pandemija.
Jiddispjaċina ngħidu li tul il-pandemija, it-tmexxija Nazzjonalista jidher li f’moħħha kellha biss kif se tisfaxxa l-ekonomija, jisplodi l-qgħad u nispiċċaw fil-miżerja u biex jiżdidulha ċ-ċansijiet li tirbaħ il-voti.
Meta se tinkiteb l-istorja, se jiġi mfakkar li Malta taħt il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela kienet l-uniku pajjiż fid-dinja li, meta l-pandemija bdiet tmajna, kellha iżjed nies jaħdmu minn qabel il-kriżi globali.
Il-maltemp kollu li laqqat pajjiżna sa mill-ewwel jiem li l-Prim Ministru Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra, ippruvaw kemm hu bniedem sod, b’rieda tal-azzar u li baqa’ kalm biex jippjana bil-għaqal fit-tul, fl-istess ħin li mela lil sħabu u lill-poplu kollu bit-tama, il-kuraġġ u l-fiduċja f’ġejjieni aħjar mil-lum.
Għaldaqstant kull ċittadin għandu jaħseb b’rasu, jaħseb għal uliedu u jirrealizza x’hemm lest għalih b’Partit tal-passat fil-Gvern jew b’rebħa għall-futur li diġà qed iwittilna bil-fatti Robert Abela. Jew ’l hemm inkella ’l hawn.