Żmien ilu, l-pajjiżi komunisti kienu jipprattikaw l-ippjanar ċentraliżżat: kull parti mill-ekonomija kienet ikkontrollata mill-istat f’kemm se tipproduċi u tbigħ, f’meta, fejn u lil min, f’kif u fejn se tikseb il-materji primi, f’x’se jkunu l-prezzijiet ta’ kollox…
Politiċi u ekonomisti tal-punent kienu jikkritikaw dis-sistema bħala ġennata. Anke bl-aħjar intenzjonijiet, kien impossibbli għal gvern li jkollu kontroll daqshekk totali. U fil-fatt l-ekonomiji ppjanfikati kienu ineffiċjenti ħafna, waqgħu lura u twasslu qrib il-kollass. Ma’ kullimkien xterdet il-fehma li biss bis-suq ħieles il-bniedem jista jmexxi ekonomija effiċjenti għax is-suq biss jippermetti li l-informazzjoni komplikatissima u enormi li biha jitħaddem in-negozju tintuża b’mod effettiv.
Madankollu, miż-żmien tal-komuniżmu, it-teknoloġiji tal-komputers u issa tal-intelliġenza artifiċjali (IA) għamlu progress tremend. Waslu f’qagħda fejn jistgħu jħaddmu u jsegwu informazzjoni mill-aktar vasta. L-umanità kisbet issa l-ħila u l-mezzi biex tippjana u tmexxi b’suċċess u b’mod ċentralizzat l-ekonomija nazzjonali sħiħa? l-ekonomija dinjija kollha?
***
GAVAZZI
Ma ntqal xejn b’mod ċar, imma milli ntqal wieħed jista’ jikkonkludi għaliex il-fabrika Gavazzi ddeċidiet li titlaq minn Malta: il-gwerra tad-dazji li nediet l-amministrazzjoni Amerikana tal-President Trump biex iġġib lura lejn l-Amerika il-produzzjoni industrijali. L-argument li l-gvern Malti seta’ jwaqqaf dil-ħaġa jew it-tluq ta’ Gavazzi hu pwerili.
Min-naħa l-oħra dan l-iżvilupp juri kemm hi perikoluża l-attitudni li donnha bdiet tieħu fostna – li t-taqlib ekonomiku li ħoloq Trump ma tantx jista’ jaffettwa direttament lil Malta peress li m’għandniex skambji kummerċjali qawwija mal-Amerika. L-impatt dirett ta’ xinhu għaddej jista’ jkun anqas minn ta’ fuq ħaddieħor, jew eventwalment anqas mill-impatt indirett (meta l-effett tat-taqlib fuq ħaddieħor li miegħu għandna rabtiet mill-qrib jkollu imbagħad riperkussjonjiet negattivi fuqna). Imma l-impatt dirett jista’ jkun dak li nħossu malajr u bl-akbar herra.
KIRJIET TAL-VAGANZI
Il-kirjiet ta’ appartamenti għal vaganzi qosra nfirxu bil-qawwi mal-pajjiżi Ewropej kollha, Malta inkluża. Kullimkien, hawn ukoll, qed joħolqu disturbi fost residenti, anke waqt li ekonomikament jġibu benefiċċji lill-inħawi fejn jinsabu bit-turiżmu li jiġġeneraw. Għad m’hemmx boxxla ċara dwar fejn u kif għandhom jinġibdu l-linji bejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi.
Aktar kmieni dis-sena, l-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew kkummissjona studju dwar xinhu t-titjib li jista’ jiddaħħal fis-settur tal-iSTARS, kif bdew jissejħu (short term accomodation rentals). Ftit li xejn issemma hawn Malta imma jagħti gwida interessanti għal kif tista’ tidħol sorvelja ta’ tip ġdid f’żoni li qed jitgħabbew bl-iSTARS, skond anke l-esperjenza ta’ inħawi oħra fil-Mediterran li diġà għaddew mid-dwejjaq li qed jilmentaw minnhom żoni dejjem usa’ f’Malta.