Friday, April 26, 2024

L-IBBULJAR FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL …. BŻONN KUXJENZA AKBAR

Aqra wkoll

Illum aktar minn qatt qabel qegħdin nisimgħu b’każijiet ta’ ħaddiema ibbuljati fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Il-każijiet issibhom mifruxin f’kull settur. Ovvjament mhux kulħadd jitkellem u hawn ħafna isofru fil-kwiet. Sa ftit snin ilu, meta nitkellmu fuq ibbuljar aktar konna nagħmlu dan fuq dak li kien għaddej fis-sistema edukattiva. Illum sfortunatament għandna sitwazzjoni fejn l-ibbuljar żdied bil-kbir fil-postijiet tax-xogħol. Tant li kellna min ma kellux triq oħra għajr dik li jirriżenja. L-arroganza u ibbuljar kontinwu ma felaħhomx aktar. Oħrajn issapportew fuq li ssapportew bir-riżultat li kellhom donna fuq saħħithom.

Dan hu inaċċettabbli. Il-postijiet tax-xogħol l-istess bħas-sistema edukattiva għandhom ikunu ħielsa mill-ibbuljar. Illum hu ippruvat anke minn studji riċenti kkummisjonati minn diversi ġurnali akkademiċi, li hemm korrelazzjoni ċara bejn l-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol u diversi tipi ta’ mard mentali fosthom l-ansjetà u d-dipressjoni. Naturalment, f’ċertu każi dan il-mard mentali jista’ jwassal ukoll għal suwiċidji.

Fuq il-postijiet tax-xogħol l-ibbuljar jieħu diversi forom. L-ibbuljar fuq il-postijiet tax-xogħol  hu ħafna drabi ta’ natura aggressiva għalkemm ġew irrappurtati numru sostanzjali ta’ każi fejn l-ibbuljar kien ġej minn ċajt goff fil-konfront tal-istess vittmi.

Dan is-sit hu infumat b’għadd ta’ każi ta’ ibbuljar fuq il-postijiet tax-xogħol.  Qed nitkellmu fuq ibbuljar li jibda jumilja lill-vittma b’mod konsistenti quddiem nies oħra. Dan jaf isir billi l-bully jikser b’mod regolari lill-vittma permezz ta’ kummenti dispreġjattivi anke jekk sottili tat-tip bħal pereżempju li l-operat tal-vittmi jiġi mistoqsi b’mod regolari quddiem nies ta’ taħt il-vittma.  Ikun hemm diversi każi fejn il-bully jgħajjar b’ mod selvaġġ lill-vittma quddiem in-nies ta’ taħt il-vittma sabiex ikissisrlu l-awtorità u l-motivazzjoni tiegħu.

Il-bully jaf jattakka vittma tiegħu billi jċaħħadha minn xi kumpens jew promozzjoni b’mod umiljanti. Kien hemm diversi każi fejn il-bully jagħmel dan billi jagħmilha ċara  quddiem il-vittma li huwa qiegħed jippremja lil xi ħadd ieħor.  Il-bully jaf jattakka lill-vittma billi jumiljah b’mod indirett b’ċertu deċiżjonijiet li jieħu. Kien hemm każi fejn il-vittma ntefa’ jaħdem f’post mhux tal-livell li ssoltu jkollhom persuna tal-livell tal-vittma jew li joqgħod jittratta lill-vittma b’mod differenti mill-bqija tal-kollegi tal-istess livell tal-vittma. Hemm każi wkoll fejn il-bully jattakka lill-vittma b’ mod personali bħal pereżempju billi jattakkah fuq problemi personali li l-vittma jkollu d-dar.

Nemmnu fermament li l-ħaddiema għandhom dritt li jaħdmu f’ambjent tax-xogħol san. Ambjent tax-xogħol ħieles mill-ibbuljar. Ma ninsewx li f’ħafna każi dawk li jkunu għaddejjin minnu l-ħaddiema vittmi jibda jaffettwa ukoll lill-familjari. Jibda jaffettwa ħaddiema oħra. Ikun hemm min jgħidlek. “wara t-tali jdur għalija”.  Jew ‘min se jmissu wara t-tali’. 

Nemmnu li f’pajjiżna ma nistgħux nibqgħu nagħtu l-pariri biex lill-bully tinjoraw jew tiqaflu. Mhux kulħadd hu kapaċi jasal sa hemm. Ħafna jibqgħu isofru. Ma nistgħux lanqas nibqgħu bis-sitwazzjoni fejn dak li jkun iħabbat bibien għall-għajnuna u l-parir li jtuh ikun li jwarrab.

Nemmnu li għandu jkun hemm kuxjenza u kampanji kontwini dwar dan il-fenomenu li bil-mod il-mod daħal sew f’pajjiżna u qed jinfirex. Hawn bżonn kbir li jkun hawn strutturi b’saħħithom li dak li jkun imur għandha. Iqajjem l-ilmenti u jinvestiga l-każ ta’ ibbuljar. Fi kliem ieħor biex il-vittma ikun protett.  Strutturi simili għandhom jagħtu nifs u aktar serħan il-moħħ lil dawn il-vittmi. 

Nemmnu ukoll li l-postijiet tax-xogħol għandu jkollhom politika fuq l-ibbuljar u kif se jitrattawh u dan flimkien ma’ kampanja edukattiva biex jiġi miġġieled dan il-fenomenu.

Sport