Sunday, December 22, 2024

L-IBBULJAR TA’ ĦADDIEM FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

M’hemm ebda dubju li ħidma fuq diversi snin wasslet biex ħolqot kuxjenza kbira f’pajjiżna dwar l-ibbuljar.  Dan wassal biex ir-rispett żdied. Illum mhux biss hawn iżjed kuxjenza imma għandna ukoll strutturi fejn wieħed jieħu azzjoni dwar l-ibbuljar b’mod partikolari fejn jidħlu it-tfal u l-iskejjel.

Biss irridu ngħidu li minkejja li għandna dan, l-ibbuljar fis-soċjetà tagħna baqa’ jiżviluppa. Illum aktar u aktar minn qatt qabel qegħdin nisimgħu b’każi ta’ bbuljar fuq il-postijiet tax-xogħol.  Dawn ivarjat. Ma jaffettwawx biss lin-nisa imma liż-żewġ sessi. Ibbuljar li ma ssibux kullimkien imma f’postijiet u partikolari. 

Fejn jidħol l-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol, wieħed jista’ jgħid li għad fadlilna x’nagħmlu. Irid ikun hawn aktar għarfien. Każijiet bħal dawn huma diffiċli li joħorġu fil-beraħ. Hu minħabba dan, l-importanza tal-unjins fuq il-postijiet tax-xogħol. Unjins, li f’każi simili mhux biss jagħtuk il-pariri meħtieġa, imma li jistgħu jieħdu azzjoni. Fl-aħħar ġimgħat meta inbdiet il-kampanja elettorali, bdejna nisimgħu aktar u aktar minn dawn il-każi ta’ bbuljar. 

L-ibbuljar hu ferita soċjali u l-konsegwenzi li jġib miegħu huma vera koroh għal min iġarrabhom, bil-possibiltà li kultant jistgħu jkunu rriparabbli. 

Jekk nieħdu l-kwistjoni tal-istudenti, li huma l-ħaddiema ta’ għada naraw li hu inkwetanti li minn statistika li kienet inġabret  kien instab li kwart tal-istudenti f’pajjiżna, xi darba jew oħra sofrew minn attakk fiżiku, kif ukoll oħrajn irrappurtaw forma ta’ ibbuljar psikoloġiku.

Nafu u anke l-professjonisti huma konxji li madwarna bogħod minn għajnejn in-nies, ħafna drabi mhux rappurtati, kellna stejjer xejn sbieħ. Stejjer li ma spiċċawx tajjeb.

L-ibbuljar hu aġir li jwassal biex ikisser lill-persuna u jdaħħalha f’sitwazzjoni t’ansjetà u biżgħat kif ukoll li tibdlilha ħajjitha b’mod li titlef l-istima tagħha kollha u tħossha li mhix persuna utli fis-soċjetà. L-ibbuljar ma jeżistix biss fl-iskejjel. Issibu wkoll fuq il-postijiet tax-xogħol. Issibu fil-familji. Fl-aħħar snin konna qegħdin naraw ukoll każijiet ta’ bbuljar online.

Dan hu fenomenu li mhux faċli tiġġilidlu għax spiss issib li min hu vittma ta’ bbuljar jibqa’ jbati fis-skiet. Ma jgħid lil ħadd minn dak li jkun għaddej minnu. U la wieħed ma jfittex l-għajnuna tkun tfisser li l-probelma tidħol ħafna aktar ‘l ġewwa b’kumplikazzjonijiet serji aktar tard.

Nemmnu li quddiem din il-pjaga soċjali, li donnu insejnieha jew qed inpoġġuha fil-ġenb, aħna wkol nistgħu nagħmlu l-parti tagħna. Dan hu fejn naraw xi forma ta’ bbuljar iseħħ. Dan jista’ jsir billi dak li jkun jaġixxi b’mod sod u jieqaf lil min ikun qed jikkommetti dan l-abbuż. L-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minnha, b’solidarjetà ma’ min ikun għaddej minn dan, hi pass importanti f’din il-ġlieda. Wara jkun imiss li l-vittma tfittex l-għajnuna mad-diversi servizzi li jeżistu.  It-tama tagħna hi li fiż-żmien li ġej naraw aktar ħidma biex din il-pjaga titrażżan.

Ekonomija

Sport