Wednesday, July 24, 2024

L-IDDISPRATI

Aqra wkoll

Nies li ma jilħqux l-għanijiet tagħhom ikunu negattivi.  Aktar ma jgħaddi ż-żmien u xorta ma jkunux imxew ‘il quddiem biex jilħqu l-għanijiet tagħhom isiru wisq negattivi u wara anki ddisprati. 

Għalihom kull min ikun laħaq l-għanijiet tiegħu jarawh dimonju.  Ir-raġuni hi għaliex ikun hemm kuntrast qawwi bejniethom speċjalment jekk il-persuna li tkun laħqet l-għanijiet tagħha tkun waħda pożittiva.  

Ġeneralment pożittivi jkunu dawk li jkunu diġa’ laħqu l-għanijiet tagħhom jew ikunu qed jersqu lejn l-għanijiet tagħhom.  Dawn in-nies mhux talli jkunu pożittivi imma jintlew b’enerġija u bi ħsibijiet ġodda u kreattivita’ biex ikomplu javvanzaw ‘il quddiem minkejja li l-ewwel għan li jkollhom ikunu laħquh.  

Kampanji elettorali ta’ qabel:

Dan il-kuntrast narawh faċilment fis-settur politiku meta tkun waslet elezzjoni. F’Malta dan narawh faċilment.  Kull meta jkun hemm il-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni Il-kampanja elettorali tieħu dan l-aspett.  Illum qed narawha għaliex il-Partit Nazzjonalista qed fl-oppożizzjoni u issa tilef tlett elezzjonijiet wara xulxin – dik tal-2013, dik tal-2017 u dik tat-2022.  

Biex niddistingwu, tajjeb li nqabblu l-kampanja elettorali tal-2013 u dawk tal-2017 u 2022.  Nibdew mill-aħħar tnejn fejn il-partit fl-oppożizzjoni kien il-Partit Nazzjonalista.  Żewġ elezzjonijiet fejn l-oppożizzjoni għamlet kampanja negattiva, l-ewwel dirett fuq Joseph Muscat u t-tieni elezzjoni kontra Robert Abela. 

L-ewwel kampanja kienet ibażatha fuq l-investigazzjoni li ħolqu huma stess investigazzjoni li sabet li dak li qalu fuq Joseph Muscat u l-familja tiegħu ma kienx minnu.  Fl-elezzjoni tat-2022 ħarġet kemm kien imħawwad il-PN għax lanqas programm elettorali sew ma rnexxielhom jippubblikaw għax kien mimli tgerfix.  Kienet kampanja fejn il-kritika kienet prinċipalment fuq il-flus li l-Gvern Laburista kien qed jgħin lin-nies u lin-negozji li ġew deskritti bħala ħela ta’ flus.  

Karatteristika ta’ dawn iż-żewġ kampanji kienet li l-Partit fl-Oppożizzjoni kien aħrax ħafna fil-kritika tiegħu fejn bħala pajjiż erġajna morna għan-negattivita’ ħarxa u mibegħda li kien hawn fil-politika fis-sittinijiet u t-tmeninijiet.  Ir-raġuni hi waħda sempliċi bħal ma ddeskrivejt fl-ewwel paragrafu. 

Meta persuna ma jirnexxiliex tilħaq l-għanijiet tagħha u ma tafx kif tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha, jirriżulta disprament.  Tant ma kienux konvinti bil-ħiliet tagħhom li bilkemm semmew dak li kienu qed jipproponu.  Li kieku kienu, huma kienu jispjegaw dak li bi ħsiebhom jagħmlu biex juru li huma aħjar mill-PL.  

Biex tkompli tgħaxxaqha l-PN għandu problema kbira oħra.  Tal-PN jemmnu li huma dejjem korretti u meta n-nies ma jivvutawlhomx jgħidu li dan ġara għax in-nies huma injoranti jew għax il-Gvern qed jixtri l-elezzjonijiet. 

Fuq ix-xiri tal-elezzjonijiet isemmu l-għajnuna li qed jagħti dan il-gvern.  Din il-kritika hi bla sens għax il-gvern qed jagħti għajnuniet il-ħin kollu u l-għajnuniet li jagħti mhux qegħdin għal qabel l-elezzjoni biss.  Li niskanta hu kif il-PN jinsa x’jagħmel qabel l-elezzjonijiet meta jkun fil-gvern. 

Waħda mill-affarijiet li ilhom jagħmlu mis-sittinijiet hi li qabel elezzjoni jimpjegaw ħafna nies mal-gvern.  Ir-raġuni hi, li fi żmienhom, waħda mill-karatteristiċi dejjem kienet li f’Malta kien hawn ħafna qgħad – fattur li qatt ma rnexxielhom jikkontrollawh għax ma kienux kapaċi jespandu l-ekonomija bħal ma ġiet imkabbra dawn l-aħħar għaxar snin.

Min-naħa l-oħra meta jkun hemm il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, bħal meta jkun fil-gvern, il-kampanja tkun waħda pożittiva.  Ir-raġuni hi l-emfasi tkun fuq il-programm ta’ ħidma li jkun qed jiġi mwiegħed li ser isir jekk il-PL jitla’ fil-gvern.  Għall-PL il-Manifest Elettorali mhux biss hu parti mill-kampanja elettorali imma l-programm ta’ ħidma li ser issir jekk ikunu fil-gvern. 

Din hi xi ħaġa differenti minn kif jarawha tal-PN.  Għalihom il-Manifest Elettorali hu sempliċiment parti mill-kampanja.  Dan dejjem kien jidher meta tal-PN jirbħu l-elezzjoni għaliex għall-ewwel tliet snin taxxi u restrizzjonijiet fl-ekonomija jkollna bir-riżultat ta’ aktar qgħad.  Innotaw kemm-il darba qalulna li ser inaqqsu t-taxxi – xi ħaġa li qatt ma saret.  Dejjem bl-iskużi.  

Din id-differenza l-aktar li kienet ħarġet ċara riċentament kienet fil-kampanja tal-2013 wara l-agħar gvern, il-gvern ta’ Gonzi, li qatt kellna wara l-gwerra.  Il-PL kellu programm kbir kif ser ikabbar l-ekonomija. 

Fil-kampanja beda jingħad li din hi daħka fil-wiċċ tal-poplu għaliex dak li kien qed jiġi mwiegħed tant kien tajjeb li kien ser jaqleb l-ekonomija minn taħt ‘il fuq, kif fil-fatt ġara dawn l-aħħar 10 snin fejn l-ekonomija espandiet b’mod enormi.  Jekk ma wriet xejn dik il-kampanja wriet kemm il-PN hu partit mingħajr viżjoni.

Din hi d-differenza meta int ikollok lil xi ħadd li jemmen fih innifsu u kapaċi jagħmel programm biex jilħaq l-għanijiet tiegħu b’kuntrast ta’ min, għalkemm jemmen li hu biss tajjeb, xorta mhux kapaċi li jagħmel programm ta’ ħidma biex jilħaq l-għanijiet tiegħu.  Hu għalhekk li tal-aħħar ikunu nies iddisprati.  

Ekonomija

Sport