Wednesday, December 25, 2024

L-IMGĦODDI HU PAJJIŻ BARRANI

Aqra wkoll

Niftakar kemm kienet laqtitni osservazzjoni li għamel il-kittieb Alex Vella Gera darba waqt li konna nitkellmu: kull rumanz dwar żmien li għadda, qal, anke dwar ftit tas-snin ilu, hu “storiku”; jew xi ħaġa hekk.

Issa, meta ssemmi “storiku”, it-tendenza hi li tirreferi għal xi kitba li tmur lil hinn sew mis-snin tal-lum, bħal f’rumanz “klassiku” ta’ Walter Scott jew f’“Taħt Tliet Saltniet”. Imma fil-fatt, meta tiġi biex taħseb dwarhom u tqishom, anke żminijiet riċenti (jew li wieħed tal-età tiegħi jista’ jqishom ta’ hekk) għandhom l-istess awra bħall-imgħoddi ta’ rumanz “storiku”. Ingħidu aħna: is-sena 2013 meta l-aħħar inbidel il-gvern u dati oħra.

Il-ġrajjiet li seħħew jinħassu mbiegħda. Biex terġa’ tfakkarhom u tagħtihom ħajja, trid tagħmel riċerka jew timmaġina realtajiet oħra minn tal-lum. Kull kitba li hi dwar 24 siegħa ilu, tispiċċa “storika”.

Vella Gera kellu raġun: l-imgħoddi hu pajjiż barrani. Mhux la kemm terġa’ tagħtih ħajja qisu għadu llum.

TGEMGIM

It-tgemgim jifforma parti mill-imġiba tal-Maltin u l-Għawdxin. Dwar hekk m’hemmx dubju. Ġeneralment issibu għaddej kontra l-gvern tal-ġurnata, imma mhux biss. Mill-esperjenza naf li jqum l-aktar fis-sajf u matul Diċembru – staġunijiet tas-sena meta n-nies tiltaqa’ f’festi tar-raħal jew f’riċevimenti tal-Milied.

Li ttaqtaq kontra xi jkun għaddej jitqies bħala parti mill-mod kif tikkommunika u tissoċjalizza.

Biss f’kollox trid iżżomm sens ta’ qies. Ma jkunx għaqli li kull ilment jitqies bħala tgemgim u tinjorah. Wara kollox, anke fit-tgemgim jista’ jkun hemm il-grinta ta’ problemi oħra li qed jissenslu. Mela, ma tridx tagħlaq widnejk, lanqas għat-tgemgim. Dan ma jfissirx li bilfors għax tagħmel hekk, se taċċetta li hu ġustifikat. Trid tisimgħu wkoll.

IL-VALURI

Nisimgħu wisq biki li pajjiżna tilef il-valuri tradizzjonali li kattru fi ħdanu sens ta’ familja u solidarjetà. Taqra x’qed jinkiteb minn ċerti individwi ta’ stima, taħseb li tlifna kull valur li jagħmilna nies.

Issa ma tistax tiċħad: f’numru ta’ oqsma, is-soċjetà saret brutali: dwar razziżmu, misoġinija, immigranti, drogi, kura tal-annimali…

Biss fl-imgħoddi, fiż-żmien meta kienu jsaltnu l-hekk imsejħa valuri tradizzjonali, konna daqstant aħjar? Il-faqar u n-nuqqas ta’ xogħol kien ikisser kull sentiment ta’ solidarjetà. L-abbuż tal-alkoħol u l-vjolenza domestika kienu mifruxa. Il-prattika reliġjuża ta’ spiss kienet isservi biex taħbi r-realtajiet soċjali.

Hemm bżonn li nissieltu biex insaħħu t-tifsira tal-valuri soċjali fil-poplu tagħna. Għandu jkun hemm qbil ġenerali dwar dan. Imma li nagħmlu hekk billi nibnu xi mit dwar kif abbandunajna l-Ġnien tal-Għeden fejn konna qabel hi ħmerija.

Ekonomija

Sport