Sunday, January 12, 2025

L-Immaniġġjar tat-traffiku miexi kif ippjanat … konkorrenza tajba mill-pubbliku fil-konsultazzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-pubbliku laqa’ b’mod tajjeb ħafna u pparteċipa bis-sħiħ fil-konsultazzjoni wiesgħa li saret lejn tmiem is-sena li għaddiet dwar il-ħidma li għandha ssir biex titnaqqas kemm jista’ jkun il-problema tat-traffiku Fil-fatt, jirriżulta li mill-ftuħ tagħha sal-aħħar ta’ Diċembru daħlu aktar minn 650 sottomissjoni fuq il-website li ġiet iddedikata proprju għal din il-konsultazzjoni pubblika.

Saru wkoll żewġ laqgħat ta’ konsultazzjoni li għalihom attenda l-pubbliku, l-NGOs, Għaqdiet tal-Istudenti u l-Kunsilli Lokali fost oħrajn. Anke hawn ħarġu numru ta’ proposti. Ma’ dawn daħlu wkoll għadd konsiderevoli ta’ suġġerimenti oħra fuq il-paġna tal-midja soċjali ta’ Infrastructure Malta. 

Dan kollu huwa turija li l-poplu jrid jipparteċipa f’kull diskussjoni li ssir u jagħti s-suġġerimenti tiegħu biex l-affarijiet isiru skont ix-xewqat tan-nies. Il-proposti li kienu mħabbra mill-Gvern dwar l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku, bdejna naraw l-implimentazzjoni tagħhom mill-bidu ta’ din is-sena u għandhom itulu fuq medda ta’ 18-il xahar. 

Dwar dan, IT-TORĊA tkellmet fid-dettall mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Dr Chris Bonett, li ta ħarsa wkoll lejn din l-ewwel sena tiegħu fil-kariga. 

Huwa beda biex qal li l-2024 kienet sena li ħafna minnha wżaha biex jitgħallem, billi huwa portafoll vast u jinkludi fih diversi setturi li jmissu mal-ħajja ta’ kuljum tan-nies. B’danakollu huwa stqarr li jinsab kuntent bix-xogħol li sar f’din is-sena.

“Jiena persuna però li dejjem inkun irrid nara aktar. Fl-ewwel sitt xhur ħadna deċiżjoni li nagħmlu l-ferries tal-portijiet b’xejn. Kienet miżura li marret ħafna aħjar milli stennejna. Għamilna xogħol infrastrutturali importanti bħat-triq taċ-Ċirkewwa filwaqt li r-riorganizzazzjoni f’Tal-Barrani ħadmet, għalkemm kien hemm ftit kritika fil-bidu,” kompla jispjega l-Ministru Bonett. 

Huwa rrikonoxxa wkoll li hemm żoni bħal dik tar-roundabout magħrufa bħala “Tal-Imgħallaq” f’Ħal Qormi, fejn jeħtieġ li jsir intervent massiv. Qal li l-intervent li hemm bżonn isir f’din iż-żona, ma jistax isir fl-istess ħin ma’ dak tal-proġett tal-Imsida, li x-xogħol fuqu beda xahrejn ilu. “Dan għaliex il-mument li jsiru żewġ proġetti kbar f’daqqa jkollna problemi tat-traffiku akbar fit-toroq tagħna.”

F’dak li jirrigwardja t-traffiku, il-Ministru Bonett qal li sar xogħol preparatorju b’saħħtu f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri li se jkunu qed jittieħdu. B’mod partikolari fl-aħħar xahrejn tas-sena li għaddiet fejn saret enfasi kbira fuq il-konsultazzjonijiet.

“In-nies laqgħu l-appell tagħna biex jagħtuna l-ideat tagħhom”

Mitlub sabiex jelabora aktar dwar il-miżuri li hemm ippjanati kemm fl-immedjat kif ukoll għat-tul, il-Ministru Bonett qal li wieħed ma jistax jaħseb li kollox se jsir mil-lum għal għada. Hemm miżuri li jieħdu ċertu ammont ta’ żmien biex isiru anke b’diskussjonijiet li jkunu jridu jsiru ma’ dawk kollha involuti. “Irridu noqogħdu attenti li f’dak li nagħmlu ma jkunx hemm impatt negattiv.” 

Qal li għalhekk tpoġġa terminu ta’ 18-il xahar, għax ċertu miżuri jieħdu ż-żmien tagħhom biex isiru. Tkellem dwar il-miżura tad-deliveries, u qal li din se tkun qiegħda tolqot erba’ setturi ekonomiċi ewlenin fil-pajjiż – il-manifattura, l-ospitalità, il-kostruzzjoni u r-retail.

“Għedna li se nitkellmu ma’ dawn is-setturi, liema huma l-vetturi tagħhom li fil-ħin ta’ bejn is-6.00 a.m. u d-9.00 a.m. u bejn l-4.00 p.m. u s-7.00 p.m., nistgħu ngħaddu mingħajrhom u jekk hemm xi ħaġa li jista’ jagħmel il-Gvern biex jgħinhom sabiex ma jużawx dawn il-karozzi,” qal il-Ministru Bonett.

Huwa kompla jgħid li hemm miżuri li jistgħu jsiru fl-immedjat. Waħda mill-miżuri tirrigwardja r-rotot tal-karozzi tal-linja f’żoni industrijali, li se naraw l-implimentazzjoni tagħha dalwaqt. 

Se ssir ukoll ħidma fuq il-parkeġġi pubbliċi, “li se nipproponu żieda tagħhom fiż-żmien li ġej”, filwaqt li se tkun qiegħda tibda d-diskussjoni marbuta mal-ħin tal-ġbir tal-iskart. 

“In-nies laqgħu l-appell tagħna biex jagħtuna l-ideat tagħhom u kellna ħafna suġġerimenti. Jidher li n-nies qed jaqblu magħna fuq il-miżuri short term. Imbagħad hemm ukoll miżuri li jieħdu aktar fit-tul,” tenna l-Ministru Bonett. “Il-miżuri long-term iridu jkunu fuq żewġ binarji – it-trasport tal-massa u kif se nużaw aħjar it-teknoloġija fl-immaniġġjar tat-traffiku.”

“Il-pjan fit-tul jibqa’ sistema ta’ trasport tal-massa li tkun tajba”

Dwar it-trasport tal-massa, huwa tenna li fl-aħħar snin sar ħafna diskors u kien hemm pjanijiet u ideat differenti, iżda trid tittieħed deċiżjoni dwar it-triq ‘il quddiem f’dan ir-rigward. “Deċiżjoni finali li tittieħed billi naraw li dak li se nkunu qed naqblu fuqu, naraw li jitla’ min jitla’ fil-gvern… jemmen li din hi t-triq ‘il quddiem. B’mod partikolari fit-trasport tal-massa, in-nies ma jriduniex nargumentaw aktar bħala partit politiċi, iriduna naslu f’punt ta’ konverġenza. Kollox irid jiġi kkunsidrat biex naraw liema hi l-aktar waħda fattibbli minnhom, u li se taħdem. Il-pjan fit-tul jibqa’ sistema ta’ trasport tal-massa li tkun tajba.”

Dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-immaniġġjar tat-traffiku, il-Ministru Bonett qal li din fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha u għalhekk irridu noqogħdu attenti li dak li nagħmlu ma jkunx biex jattakka l-privatezza tal-individwu.

Min-naħa l-oħra, huwa qal li jaqbel li għandu jkollna sistema li tgħin biex jitjieb l-influss tat-traffiku u tiffranka l-ħin tal-ivvjaġġar. “Iltqajt ma’ ħafna żgħażagħ li ħarġu b’ideat diversi. Kien hemm min ħareġ bl-idea ta’ car sharing fl-Università, car pooling għaż-żoni industrijali u parkeġġi li jsiru permezz ta’ booking,” tenna l-Ministru Bonett li ħabbar li se tkun qiegħda tinħareġ sejħa biex kull min għandu idea teknoloġika li biha jitjieb l-aċċess għall-parkeġġi jersaq ‘il quddiem u l-Gvern jgħin ukoll f’dan il-proġett. 

Fis-sajf se jopera servizz ġdid bil-baħar minn Buġibba

Mal-Ministru tkellimna wkoll dwar it-trasport pubbliku bil-baħar, li kif diġà ntqal, qed ikompli jħalli r-riżultati mixtieqa. Biss biss, huwa semma kif is-sena li għaddiet, żdiedu b’aktar minn 30% il-persuni li għamlu użu mis-servizz tal-ferries.

“Pereżempju nafu li l-ferry tal-Kottonera, in-nies qed jużawha biex imorru għax-xogħol biha wkoll. Tant li qed ikollna sejħiet biex nagħmlu parkeġġ f’Bormla biex in-nies jipparkjaw hemm u jużaw dan is-servizz.”

“Morna ħafna aħjar milli stennejna għax id-domanda li rajna kienet xi ħaġa fenomenali. Tant hu hekk li fis-sajf li ġej se jopera servizz ġdid minn Buġibba, il-moll kważi lest. Il-ħsieb huwa li jkun hemm servizz minn Tas-Sliema għal Buġibba. 

“Il-Gvern jemmen ħafna fit-trasport bil-baħar u r-riżultati qed juruna li għandna raġun li qed inkomplu nagħfsu f’dik id-direzzjoni,” tenna l-Ministru Bonett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport