Sunday, December 22, 2024

L-immigranti bla dokumenti għandhom drittijiet ukoll (1)

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Min qalilhom jiġu hawn bla dokumenti? Bla dokumenti ma jiġux aċċettati”.  “Naċċettaw lir-refuġjati – lil  dawk li għandhom dritt għal protezzjoni. L-oħrajn għandhom jintbagħtu lura”.  “Ħadulna xogħlna”. “Hawn ħaddiema jitħallsu pagi baxxi minħabba l-barranin li mħallsin biċ-ċiċri”. “Imtlejna. Jitilqu lura”. “Nafu dawn li ġejjin x’inhuma? Nafu humiex kriminali jew terroristi?”.  “Kull fejn ikunu jqażżu kull m’hemm u jħallu mandra. M’għandniex x’nambuhom”.  “Sar għandhom drittijiet daqsna. Tmur l-isptar tarahom. Skejjel ukoll. Se jikluna. Daqt ikollna nitilqu aħna minn dan pajjiżna. Huma għandhom pajjiżhom, jiġġieldu għal drittijiethom fih”.

U meta l-immigranti jiddeċiedu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw għal drittijiethom, dlonk ikun hemm min joħroġ kontra dan ukoll. Jispikkaw dikjarazzjonijiet bħal “xi jridu aktar dawn? Mhux qed jaħdmu dawn”. “Għandhom xogħol u għandhom saqaf. Xi jridu aktar?”.  Ir-raġunament ta’ dawn il-persuni, xprunat mill-fatt li qed jitkellmu fuq persuni suwed  jieqaf mal-fatt li dawn aħdmu u mal-fatt li għandhom saqaf fuq rashom.  Il-kwistjoni ta’ drittijiet, u dinjità, jitwarrbu għal kollox minn dawn il-persuni dment li qed nitkellmu fuq Afrikani. 

Il-mistoqsija li toħroġ hi ċara: inti kollox ikun sew għalik jekk ikollok xogħol  anke b’kundizzjonijiet mill-agħar, u saqaf fuq rasek immaterjalment jekk inti tgħix f’tinda, f’appartament ma’ ħafna oħrajn jew f’ċentru miftuħ. M’għandniex dubju li għalikom dan ma jkun aċċettabbli, għax kull bniedem irid id-dinjità tiegħu. Kull bniedem irid jimxi ‘l quddiem. Kull bniedem għandu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tiegħu. L-Afrikani mhux eċċezzjoni.

Filfatt li hinn minn dak li jingħad f’pajjiżna, anke minn xi politiċi, l-immigranti anke dawk bla dokument għandhom id-drittijiet. Dan hu argument li ftit li xejn nisimgħu bih biex ma ngħidux li ma jissemmiex u jitwarrab bi ħsieb.

Immigranti bla dokumenti għandhom drittijiet stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali

Il-liġi dwar id-drittijiet umani, hi dik li tistabbilixxi għadd ta’ regoli internazzjonali permezz ta’ trattati u li permezz tagħhom hi stabbilità li d-drittijiet umani jappartjenu lil kull persuna fid-dinja. Il-liġi Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tikkonsisti f’dik li hi msejħa id-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet Umani (UDHR) u seba’ trattati oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet umani.  Flimkien dawn  jirrappreżentaw standards internazzjonali biex jitħarsu id-drittijiet tal-bniedem.

Prattikament id-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet Umani hi d-dokument bażiku li fih jinkorpora il-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet umani. Illum din id-dikjarazzjoni hi kkunsidrata bħala parti mill-liġi internazzjonali bl-għan li torbot lill-Istati isegwuha. 

Apparti din id-dikjarazzjoni hemm seba’ konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u dawn kollha  għandhom standards ta’ protezzjoni għad-drittijiet umani.  Dawn il-konvenzjonijiet ma jorbtux lill-Istati membri jekk l-Istati ma jkunux iffirmaw it-trattat. 

Dawn huma l-International Covenant on Civil and Political Rights (ICCPR), l-International Covenant on Economic, Social and Cultural Rights (ICESCR), il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Eliminazzjoni ta’ kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa  (CEDAW), il-Konvenzjoni kontra t-Totura (CAT),  il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet għat-Tfal (CRC) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni fuq id-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti u membri tal-Familja Tagħhom (ICRMW). Din tal-aħħar  l-Istati kollha tal-Unjoni Ewropea ma’ rratifikawhiex u dan minħabba raġunijiet politiċi. Irid jingħad li ħafna minn dawn id-drittijiet f’din il-konvenzjoni qegħdin fi trattati tal-Unjoni Ewropea.

Pajjiżna  kien tista’ tgħid wieħed minn tal-ewwel fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewopea li rratifika il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet għat-Tfal. Il-Konvenzjonijiet l-oħra pajjiżna kien ma’ dawk tal-aħħar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li rratifikahom.  

Il-principju ta’ l-ebda diskriminmazzjoni u protezzjoni għal migranti bla dokumenti

Is-seba’ konvenzjonijiet u anke id-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet tal-Bniedem jitkellmu dwar għadd ta’ drittijiet li huma applikabbli għall-migranti bla dokumenti.

Jekk nieħdu  id-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet tal-Bniedem  naraw li din fiha diversi klawsoli u li fihom jiġu stabbiliti drittijiet umani u libertajiet fundamentali kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, huma fejn huma fid-dinja. 

Filfatt klawsola 2 tgħid li “kulħadd hu intitolat għad-drittijiet u libertajiet imsemmija fid-dikjarazzjoni u dan mingħajr ebda distinzjoni bħall-kulur tal-ġilda, sess, razza, lingwa, reliġjon, opinjoni politikaa, oriġini soċjali, jew xi status ieħor”.

Jekk wieħed jieħu l-International Covenant on Economic, Social and Cultural Rights (ICESCR) naraw li dan permezz ta’ diversi klawsoli jistabbilixxi drittijiet soċjali u kulturali fosthom drittijiet relatati max-xogħol u b’kundizzjoni diċenti, protezzjoni soċjali, livell ta’ għixien adekwat, standards għolja għal kura fiżika u mentali, u edukazzjoni fost oħrajn. 

Din tgħid ukoll li “l-Istati huma obbligati li jirrispettaw id-drritt għas-saħħa u ma jillimitawx aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa għall-persuni inklużi priġunieri, dawk fid-detenzjoni, minoritajiet, dawk li qed jitolbu ażil,  u immigranti irregolari.”

‘Ninsabu f’kontradizzjoni’

Is-sentiment kontra l-immigranti ma’ bdewx fl-aħħar xhur. Dan is-sentiment ilu jinħass. Jekk wieħed ikollu janalizza diskorsi li saru fil-Kunsill għad-Drittijiet Umani isib diversi dikjarazzjonijiet.

Tispikka dik ta’ l-iSpecial Rapporteur Jorge Bustamante, li kien indirizza l-kwistjoni tad-drittijiet umani ta’ immigranti bla dokumenti. F’Settembru tas-sena 2006 fil-Kunsill għad-Drittijiet Umani hu kien qa li “l-konsensus interrnazzjonali li wassal għall-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tas-sena 1990 dwar id-drittijiet għal ħaddiema migranti kollha, illum tinsab f’kontradizzjoni biż-żieda ta’ sentiment dejjem jiżdied madwar id-dinja kontra l-immigranti.  Dan hu żvilupp sfortunat, li qed jaffettwa b’mod partikolari lill-immigranti bla dokumenti u dan għax qed titmexxa  dejjem aktar l-idea li  l-istatus irregolari ta’ immigranti bla dokumenti iċaħħadhom milli jkunu suġġetti għad-drittijiet umani u dawk marbutin max-xogħol. Din iċ-ċaħda li immigranti bla dokumenti għandhom drittijiet, wasset għal xejriet ġodda f’xi pajjiżi u li quddiem dawn ix-xejriet ġodda il-kommunità internazzjonali ma tista’ tkun indifferenti”. 

Fl-isfera Ewropea… protezzjoni miċ-Charter Soċjali Ewropew

Jekk nieħdu il-livell Ewropew naraw li prattikament hemm il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali (ECHR) u ċ-Charter Soċjali Ewropew (ESC).

Il-Konvenzjoni għad-Drittijiet Umani tiggarantixxi drittijiet umani ċivili u politiċi. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi għadd ta’ drittijiet fundamentali u libertajiet bħad-dritt tal-ħajja, il-projbizzjoni ta’ skjavitù u xogħol sfurzat, dritt għal-proċeduri ġudizzjarji ġusti, dritt għar-rispett għal ħajja privata, id-dritt ta’ assoċjazzoni, id-dritt taż-żwieġ u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. 

Minn naħa l-oħra, iċ-Ċharter Soċjali Ewropew jiggarantixxi drittijiet umani soċjali u ekonomiċi fosthom id-dritt ta’ akkomodazzjoni, id-dritt għall-kura tas-saħħa, edukazzjoni, protezzjoni legali u soċjali.

‘Illegali’… m’għandhiex tintuża għax tikser id-dritt li tkun rikonoxxut bħala persuna

Fost dawk li jagħżlu li jattakkaw l-immigranti bla dokumenti, hemm diversi li jużaw il-kliem illegali.

Dan isir bi skop. Il-kliem illegali għandu konnotazzjonijiet kriminali. Minnunfih dan il-kliem ibaxxi id-dinjità ta’ dawn il-persuni.  Fuq kollox dan hu kliem li l-għan tiegħu hu li jneżża lil dawn il-persuni mir-rikonoxximent li kulħadd hu persuna quddiem il-liġi.

It-terminoloġija ‘illegali’ m’għandhiex tintuża u dan għax kemm mil-lat ġuridiku u anke mil-lat etiku l-ebda bniedem mhu illegali.”

Naraw pereżempju li organizazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizazzjoni Dinjija għax-Xogħol (ILO) u l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) kienu għażlu li ma jibqgħux jużaw il-kliem ‘illegali’ meta jkunu qed jirreferu għal immiganti bla dokumenti jew residenza. 

Minkejja dan… f’pajjiżna u barra minnu hemm politiċi jinjoraw dan

U lil hinn minn dawn il-konvenzjonijiet li jistabbilixxu id-drittijiet għall-immigranti bla dokumenti  nibqgħu insibu politiċi li donnhom jinjoraw dan.  Hemm politiċi li jitkellmu fuq ritorn ta’ immigranti lejn il-Libja meta dawn ikunu għadhom f’nofs ta’ baħar. Fuq kollox dawn huma politiċi li llum meta qed jikber sew is-sentiment kontra l-immigranti, dawn l-istess politiċi, qed jinjoraw għal kollox dak li jistabbilixxu dawn id-dikjarazzjonijiet u minn flok jippreferu jdoqqu id-diska  tal-populiżmu, id-diska li tuża ponn iebes ma’ dawn il-persuni vulnerabbli.

Quddiem dan m’hemm ebda dubju li f’pajjiżna irridu nibdew ukoll nenfasizzaw b’mod kontinwu id-drittijiet li għandhom l-immigranti bla dokumenti. Il-fatt li naħbu dan jew ninoraw dan, mhu jwassal imkien ħlief li qed tkompli tikber ix-xejra u l-perċezzjoni li dawn l-umani bla dokumenti huma bla drittijiet.

Ekonomija

Sport