Wednesday, April 24, 2024

Unai Emery jeskludi lilu nnifsu li jkun il-manager ta’ Newcastle

Aqra wkoll

Unai Emery eskluda lilu nnifsu mill-kontestazzjoni li jkun il-manager li jmiss ta’ Newcastle United, u qal li huwa “100%” impenjat ma’ Villarreal.

L-ex manager ta’ Arsenal ikkonferma nhar it-Tlieta li kien avviċinat mill-club tal-Premier League, li għamluh l-ewwel għażla tagħhom biex jieħu post Steve Bruce.

F’post fuq il-media soċjali nhar l-Erbgħa, Emery qal li Villarreal hija “d-dar tiegħi”.

“Ninsab grat għall-interess ta’ club kbir, iżda aktar grat li qiegħed hawn,” huwa kiteb.

Emery rringrazzja lill-president ta’ Villarreal Fernando Roig u lill-familja tiegħu għall-appoġġ tagħhom, u żied jgħid: “Ma jimpurtax kemm kien hemm spekulazzjoni dwari lbieraħ f’pajjiż ieħor. Fi ħdan il-club kien hemm trasparenza u lealtà mal-familja Roig u mal-iskwadra tiegħi, u għalija din hija l-aktar ħaġa importanti.

“Villarreal hija d-dar tiegħi u jien impenjat magħhom 100%.

“Hu għalhekk li kkomunikajt lil Fernando Roig id-deċiżjoni tiegħi li nixtieq inkompli parti minn dan il-proġett minħabba l-impenn u r-rispett li nipperċepixxi mill-club u mill-players tiegħi, li huwa wieħed reċiproku.”

Newcastle kienu ttamaw li jkollhom lill-Ispanjol fit-tmun tal-club sa tmiem il-ġimgħa.

Minflok, it-tfittxija tal-manager tagħhom tkompli, bl-ex manager ta’ Bournemouth Eddie Howe u Paulo Fonseca, li ħalla lil Roma f’Mejju, jissemmew bħala alternattivi possibbli.

Sport