Wednesday, April 24, 2024

“L-immudellar jibnilek ħafna personalità”

Aqra wkoll

Il-mudella Maltija Isabel Borg, li hi wkoll Miss Grand Malta, spiċċat fit-tielet post tal-kategorija ġenerali Young Ladies wara li ħadet sehem f’konkors fi Spanja bl-isem ta’ Best Model in Europe. Dan kollu sar fil-Hotel Guitart Central Park f’Lloret de Mar, Girona. Din kienet l-ewwel darba li Borg irrappreżentat lil Malta barra minn xtutna u saħansitra ħadet żewġ unuri oħra prestiġġjużi fosthom Best European Beauty u Best Catwalk.

Dan is-sit tkellem ma’ Isabel fejn tirrakkontalna l-mumenti sbieħ li għaddiet fi Spanja u tesprimi ruħha kemm kien emozzjonanti għaliha li tirrappreżenta lil Malta barra minn xtutna. Kienet esperjenza unika li hi mhux se tinsa malajr.

Il-membri fi ħdan Miss Malta kienu fis-seba’ sema għal dan is-suċċess li kisbet Isabel tant li marru fuq Facebook sabiex kitbulha dan il-messaġġ qasir iżda sabiħ.

“Isabel, ilbieraħ kienet il-ġurnata tiegħek. Il-kliem ma jistax jispjega kemm aħna kburin bik! Kont spettakolari! Grazzi talli rrappreżentajt lil Malta.”

Saqsejna lil Isabel Borg kif bdiet l-imħabba tagħha lejn l-immudellar

“Ngħid il-verità minn dejjem kont insegwi xi sfilati tal-moda li kienu jiġu organizzati mhux biss f’Malta iżda wkoll fix-xena internazzjonali. Kont insegwi diversi programmi televiżivi li kienu jkunu speċjalizzati fuq il-moda u l-immudellar. Meta kont żgħira minn dejjem kont nimmaġinani fuq il-palk jew catwalk nimmudella.”

“Darba minnhom kien hemm Kersten Borg li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ Miss Malta li kellimni u ħajjarni sabiex nibda nipparteċipa f’dawn il-kompetizzjonijiet.”

“Meta ħadt sehem f’dan il-konkors f’Novembru li għadda, ġejt fir-raba’ post bil-kuntest jiġi mirbuħ minn Kim Pelham.

Isabel Borg tkellmet għal darb’oħra dwar il-konkors li ħadet sehem fih fi Spanja. Hi ħadet sehem fil-kategorija ta’ bejn it-30 u l-40 sena u kif għedna spiċċat fit-tielet post apparti li ħadet ukoll il-Best European Beauty u Best Catwalk. Hi kellha toħodha kontra mudelli oħra tassew sbieħ mill-Italja, is-Slovenja, Franza u l-Belġju.

“Tassew nista’ ngħid li meta rrappreżentajt lil Malta fi Spanja, kont ferm kburija speċjalment meta ġarrejt il-bandiera Maltija. Għalija kienet l-ewwel darba li għamilt dan u għalhekk il-prestiġġju jkompli jikber.”

Saqsejna lil Isabel dwar l-opinjoni tagħha kif tara x-xena tal-immudellar f’Malta. Hi tgħidilna li meta kienet żgħira mal-ewwel kienet affaxxinata dwar il-moda u issa li bdiet tipprattikaha saret aktar u aktar interessata.

Madankollu hi tgħidilna li f’dawn l-aħħar żminijiet qed tinduna li mhux faċli ssib il-bibien miftuħin meta tkun mudella. Hi qaltilna li wieħed mir-rekwiżiti li tfajla għandu jkollha ġaladarba tkun mudella hi dik li tkun twila mhux inqas minn metru u sebgħin ċentimetru.

Fl-istess waqt hi turi d-dispjaċir tagħha li f’Malta hemm ħafna jfittxu l-barranin filwaqt li t-tfajliet Maltin għandhom l-esperjenza  għalkemm mhux twal kemm iridu huma. Hi tgħid li importanti li nsaħħu t-talent Malti li hu wieħed evidenti dejjem jekk nieħdu nkunu kapaċi nindukrawh bl-aqwa mod.

Tkellimna ma’ Isabel dwar il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll ir-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ madwar sentejn ilu.

“Bla dubju li ma kinitx sitwazzjoni ideali li jkollok tieqaf minn kull attività u ovvjament dan kien ifisser li kien hemm ħafna li sofrew b’mod finanzjarju.”

“Kull sena ġġib magħha t-tlugħ u l-inżul, il-ferħ u n-niket u jien niftakar li kont urejt simpatija ma’ ħafna nies li sofrew tant minħabba din il-pandemija.

“Bla dubju li mhux sitwazzjoni ideali li jkollok tieqaf minn dak li tħobb tagħmel u tistenna għal ħafna u ħafna żmien sabiex tipprattika l-passatemp tiegħek.”

“B’xorti tajba dawn ir-restrizzjonijiet tneħħew u issa nistgħu nkomplu ngawdu dak li verament inħobbu nagħmlu.

Saqsejna lil Isabel Borg dwar kif taħseb li se jkun il-futur tagħha.  Hemm xi kompetizzjoni fil-qrib li mistennija tieħu sehem fiha?

“S’issa m’hemmx kompetizzjonijiet ippjanati għalkemm qed inżomm ruħi aġġornata b’dak li qed jiġri sabiex nipparteċipa f’konkors ieħor tas-sbuħija.”

Xtaqna li Isabel tgħaddilna messaġġ lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“L-immudellar hu settur verament sabiħ li jien nieħu pjaċir li ninsab parti minnu. Dan jgħinek sabiex ma tibqax tistħi filwaqt li jġiegħlek toħroġ mill-qoxra tiegħek. Jgħinek ħafna fuq il-post tax-xogħol u jibnilek ħafna personalità.”

Sport