Min jaf jekk humiex eżatti il-konklużjonijiet li wasalna għalihom dwar l-impatt fuq l-ekonomija tagħna tad-deċiżjonijiet li qed tieħu l-amministrazzjoni Trump fl-Istati Uniti? Sa issa bqajna nifhmu li peress li nesportaw ftit merkanzija lejn l-Istati Uniti, l-miżuri ftit li xejn jolqtuna. Teknikament tpoġġejna taħt l-istess mannara kummerċjali bħall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea imma fir-realtà din ftit għandha xi tħanxrilna. Hekk hi l-loġika ta’ kif għamilna u qed nagħmlu l-kalkoli tagħna.
Biss il-miżuri li l-Amerikani qed jieħdu tista’ tgħid fl-oqsma internazzjonali kollha, tant qed ikunu radikali – anke fit-tħabbir tagħhom, jitwettqu jew le – li bilfors jiddestabilizzaw il-kalkoli li l-istati jdaħħlu fid-deċiżjonijiet tagħhom. Pessimist jgħidlek li l-istess ħaġa dejjem tiġri lejliet xi gwerra mill-kbar.
Li żgur hu li dan kollu se jwassal għal impatti sekondarji fl-oqsma tas-sigurtà, tal-investimenti u tal-kummerċ. X’jistgħu jkunu fiż-żgur settur b’settur ħadd ma jista’ jgħid. Il-probabbiltà mhiex ċkejkna li f’qasam jew ieħor, l-impatt fuq pajjiżna ma jistax ikun miż-żgħar, kif qed nassumu.
TRAFFIKU
Ma tridx tkun ġenju biex tagħraf li aktar ma jiżdiedu l-karozzi u l-muturi fit-toroq, aktar se tiżdied il-probabbiltà ta’ aċċidenti. F’pajjiż tikka bħal tagħna mbagħad b’diż-żieda, aktar tikber il-ferneżija tal-iffullar ta’ inġenji. Aktar se jfur in-nuqqas ta’ sabar fis-sewqan li jkompli jżid fl-aċċidenti, li jsiru dejjem aktar serji.
Fattur ieħor li ta’ min jissemma hu kif iż-żieda qawwija ta’ muturi li jiddaħħlu fit-toroq inevitabbilment tkompli żżid fl-aċċidenti. Għal uħud dan l-argument ma jdoqqx tajjeb. Jemmnu li l-muturi jservu biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku. Huma jarawha bħala ħaġa tajba li dan l-aħħar bdew jinxtraw aktar muturi milli karozzi.
Forsi dan hu argument tajjeb mil-lat ta’ konġestjoni fit-traffiku. Xejn ma narah ireġi mil-lat tat-trażżin tal-aċċidenti tat-traffiku.
ANTI-SEMITIŻMU
L-għajta li stqarrija jew oħra, jew li organizzazzjoni, pajjiż jew għaqda internazzjonali huma anti-semiti issa żgur ittieħdet ’il bogħod wisq. Dejjem eżistiet l-istrateġija li biha min jikkritika lil Iżrael jiġi ttimbrat bħala anti-semita. Ta’ spiss l-istrateġija rnexxiet, anke meta ma messhiex. Imma llum tant ittieħdet ’il bogħod li tilfet ħafna minn qawwietha.
M’hemmx dubju li bil-mod kif il-gvern ta’ Netanjaħu baqa’ jmexxi l-gwerra fil-Gaża, l-għan sar dak li tixxejjen il-popolazzjoni li tgħix hemm bil-ġuħ u bit-terrur tal-bombi. F’dan Netanyaħu qed jirnexxilu. Imma li tikkundanna l-istrateġija li qed isegwi bħala immorali, kontra d-dritt internazzjonali u ġenoċidju bl-ebda mod ma hi stqarrija anti-semita. Hi l-verità. Quddiemha numru ta’ żgħażagħ fil-militar Iżraeljan, li ma jistgħux jissaportuha jew jibqgħu jgħixuha, ikkommettew suwiċidju.