Friday, November 15, 2024

“L-impenn ta’ Malta jibqa’ dak li nżommu l-Mediterran fuq nett tal-aġenda Ewropea”

Aqra wkoll

“L-impenn ta’ Malta jibqa’ dak li nżommu l-Mediterran fuq nett tal-aġenda Ewropea”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġabet fi tmiemha l-laqgħa tal-Ministri u s-Segretarji tal-Istat għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Grupp MED9, li saret bi tħejjija għas-Summit tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-istess Grupp li ser jitlaqqa’ f’pajjiżna fid-29 ta’ Settembru 2023.

Il-Ministru Ian Borg ta bidu għad-diskors tiegħu billi esprima s-solidarjetà u l-kondoljanzi ta’ Malta lejn il-Libja u l-Marokk fid-dawl tad-diżastri naturali li seħħew fl-aħħar jiem. Huwa tenna mill-ġdid l-impenn bla waqfien ta’ Malta li tassisti u tappoġġa lil dawn il-pajjiżi ġirien tagħna tal-Mediterran f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, filwaqt li għamel referenza għall-għajnuna immedjata li bagħat pajjiżna lil-Libja.

Waqt din il-konferenza, il-Ministru Borg enfasizza l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni bejn il-membri tal-grupp, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet reġjonali fuq livell Ewropew. Huwa saħaq li filwaqt li r-reġjun tal-Mediterran huwa wieħed rikk fl-istorja u l-kultura, jippreżenta diversi sfidi li jeħtieġu sforzi kollettivi, kif ukoll opportunitajiet li l-pajjiżi tal-Mediterran u l-kumplament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibbenefikaw minnhom jekk jaħdmu flimkien.

“L-irwol tal-Grupp MED9 huwa li flimkien naħdmu biex jiġu indirizzati sfidi komuni u li navvanzaw interessi komuni tar-reġjun fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ilkoll naqblu dwar il-ħtieġa ta’ aktar djalogu ħolistiku u strutturat mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, u li hemm bosta benefiċċji li nistgħu niksbu minn sħubijiet strateġiċi ma’ dawn il-pajjiżi”, qal il-Ministru Borg. F’dan il-kuntest, huwa enfasizza wkoll l-impenn ta’ Malta li tkompli tesplora opportunitajiet ta’ enerġija rinnovabbli, tippromwovi diversifikazzjoni ekonomika, u tkabbir sostenibbli, li jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproki, inkluż li dawn il-pajjiżi igawdu wkoll minn żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli.

Il-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari, suġġett rikorrenti fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea, ġiet indirizzata wkoll waqt il-konferenza. Il-Ministru Borg saħaq dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni u soluzzjonijiet ħolistiċi, inkluż l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni b’mod effettiv. Huwa enfasizza s-sinifikat ta’ finanzjament adegwat tal-Unjoni Ewropea biex jappoġġja dawn l-isforzi, speċjalment fid-dawl tad-diskussjoni kurrenti dwar ir-reviżjoni tal-Baġit tal-Unjoni Ewropea 2021-2027.

Il-Ministru Borg tenna l-impenn ta’ Malta li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni fi ħdan il-Grupp MED9 biex jiġi żgurat li l-vuċi tal-Mediterran tibqa’ titwassal b’mod effettiv u kkordinat fid-diskussjonijiet li jsiru fl-Istituzzjonijiet Ewropej.

Ekonomija

Sport