Sunday, December 22, 2024

“L-impenn tat-tfal u ż-żgħażagħ huwa kruċjali biex inkomplu naħdmu għall-miri ambjentali tagħna”

Il-Ministru Miriam Dalli

Aqra wkoll

Studenti minn skejjel differenti ltaqgħu mal-Ministru Miriam Dalli u mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiddiskutu l-proposti tagħhom għall-futur tal-ambjent f’Malta. 

Tfal mill-iskola San Andrea, il-Kulleġġ De La Salle, il-Kulleġġ San Benedittu u l-Kulleġġ San Nikola żaru l-Park tal-Majjistral, u wara mixja fil-kampanja poġġew bilqiegħda mal-Ministru Miriam Dalli u l-uffiċjali ta’ ERA biex jippreżentaw l-ideat tagħhom dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050 (NSE). ERA ppubblikat din l-istrateġija għall-konsultazzjoni pubblika fis-sajf li għadda u bħalissa qed tirrevedi s-sottomissjonijiet li rċeviet mill-pubbliku, qabel ma tippreżenta d-dokument finali għall-approvazzjoni tal-Parlament. 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriza Miriam Dalli rringrazzjat lill-istudenti talli aċċettaw l-istedina ta’ ERA biex jieħdu sehem fid-dibattitu pubbliku dwar l-NSE. 

“Il-pjanijiet ta’ Malta għal ambjent isbaħ u nadif matul it-30 sena li ġejjin jeħtieġu l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. Din l-istrateġija għandha tirrifletti l-prijoritajiet tagħna bħala pajjiż u lkoll kemm aħna rridu naħdmu flimkien biex inwettquha. Waħda mit-tmien għanijiet ewlenin tal-istrateġija huwa li tagħti s-saħħa lin-nies biex ikunu fuq quddiem nett fit-tmexxija lejn it-tranżizzjoni ekoloġika meħtieġa. Ma stajniex nikkonkludu din l-istrateġija mingħajr ma nisimgħu lit-tfal ukoll. Għandna ħafna x’nitgħallmu mill-entużjażmu u l-ideat innovattivi taż-żgħar u ż-żgħażagħ tagħna, u ħa nkompli naħdem biex nagħtihom aktar opportunitajiet fejn jistgħu jkomplu jiddeterminaw il-futur tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. 

L-istudenti mal-Ministru Miriam Dalli. Ritratt: DOI – Walter Barbara

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li l-proposti ppreżentati lil ERA minn dawn l-istudenti se jiżdiedu mas-sottomissjonijiet li saru fl-aħħar xhur, fosthom dawk ta’ studenti oħrajn li qed jipparteċipaw fil-programm ta’ Ekoskola. 

Nadia Suda Lanzon, li tmexxi t-tim li jiżviluppa l-NSE, ukoll enfasizzat l-importanza li nisimgħu liż-żgħażagħ. “Hekk kif għadhom żgħar, it-tfal se jibbenefikaw l-aktar mis-suċċess tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Għalhekk, billi nagħtuhom iċ-ċans li jagħtu l-vuċi tagħhom niżguraw ir-rilevanza u l-validità tal-għanijiet u l-pjanijiet tagħna.” 

L-NSE hija mibnija fuq tmien objettivi ewlenin, li huma immirati lejn l-isfidi u l-opportunitajiet ambjentali ta’ pajjiżna tal-lum u tal-futur – arja nadifa, bijodiversità b’saħħitha, inqas skart, ibħra nodfa, aktar użu sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll ir-riżorsi u r-rieda meħtieġa biex inwettqu l-bidliet ambjentali. 

Ekonomija

Sport