Tuesday, May 14, 2024

Biden jgħid lil Zelensky li l-Ukrajna mhix se tkun waħidha fil-gwerra tagħha mar-Russja

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden qal lill-President Ukren Volodymyr Zelensky li l-Istati Uniti se tibqa’ tappoġġja lill-Ukrajna fil-gwerra tagħha mar-Russja “sakemm ikun hemm bżonn”.

“Mhux se tkunu waħedkom,” qal Biden lil Zelensky waqt żjara li dan tal-aħħar għamel fil-White House, f’dak li kien l-ewwel vjaġġ tiegħu barra l-pajjiż minn meta bdiet l-invażjoni Russa. 

Biden ikkonferma pakkett ġdid ta’ aktar minn $2 biljun f’assistenza għall-Ukrajna u wiegħed $45 biljun oħra. Min-naħa tiegħu, Zelensky esprima l-gratitudni tiegħu għall-appoġġ ta’ Washington. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, Biden qal lill-ġurnalisti li huwa ma kienx inkwetat dwar li tinżamm koalizzjoni internazzjonali. Bħala l-aktar alleat importanti tal-Ukrajna, l-Istati Uniti diġà kkommettiet $50 biljun f’għajnuna umanitarja, finanzjarja u ta’ sigurtà – ferm aktar minn kwalunkwe pajjiż ieħor. 

Zelensky esprima t-tama li l-Kungress jgħaddi l-$45 biljun żejda f’għajnuna lill-Ukrajna biex “Jgħinuna niddefendu l-valuri u l-indipendenza tagħna.”

Ir-Repubblikani – li se jieħdu l-kontroll tal-Kamra tad-Deputati f’Jannar — wissew li mhux se jagħmlu “blank cheque” għall-Ukrajna. Iżda Zelensky saħaq li “Irrispettivament minn bidliet fil-Kungress”, jemmen li se jkun hemm appoġġ għal pajjiżu. 

Wara l-laqgħa fil-White House, il-President Ukren indirizza wkoll sessjoni konġunta tal-Kungress, fejn intlaqa’ b’ċapċip kbir. Huwa qal lil-leġiżlaturi Amerikani li pajjiżu kien għadu sod minkejja kollox u li qed ibassar li se jkun hemm “żvolta” fil-kunfltt is-sena d-dieħla. 

Filwaqt li wiegħed li l-Ukrajna qatt ma kienet se ċċedi, Zelensky qal li pajjiżu għandu bżonn aktar armi. “Għandna l-artillerija. Iva. Huwa biżżejjed? Onestament, mhux tassew,” huwa qal. “Biex l-armata Russa toħroġ ‘il barra kompletament, hemm bżonn aktar kanuni u bombi.”

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Zelensky ippreżenta lill-Kungress bandiera ffirmata mid-difensuri ta’ Bakhmut — belt li tinsab fil-Lvant tal-Ukrajna li żar lejlet il-vjaġġ tiegħu f’Washington. 

Il-pakkett ta’ assistenza tas-sigurtà mħabbar minn Washington nhar l-Erbgħa jinkludi sistema ġdida ta’ missili Patriot, li mistennija tgħin lill-Ukrajna tipproteġi l-ibliet tagħha minn missili u drones li r-Russja sparat lejn faċilitajiet kritiċi.

Sport