Thursday, October 10, 2024

L-impjant tal-Waste to Energy tal-WasteServ jattira 16-il offerta

Aqra wkoll

16-il offerta differenti kienu preżentati fl-istadju tal-kwestjonarju ta’ pre-kwalifikazzjoni għall-impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart.

Dan qalitu l-kumpanija WasteServ, li saħqet li fost dawk li ppreżentaw l-offerti hemm kumpaniji kbar li jiddominaw is-settur fuq livell globali.

Fi stqarrija WasteServ qalet li b’dan l-investiment, Malta se tkun imxiet pass ieħor biex jintlaħaq livell ġdid fis-settur ambjentali Malti.

WasteServ qalet li l-impjant tal-Waste-to-Energy huwa parti minn strateġija komprensiva biex jittejjeb is-settur tal-ġestjoni tal-iskart f’Malta. Permezz tiegħu, l-iskart kollu li jidħol għand il-WasteServ ser jiġi użat sal-potenzjal massimu tiegħu. Qalet li minbarra dan l-impjant, hemm impjanti oħra li se jkunu ta’ benefiċċju għall-pajjiż, bħall-impjant ta’ trattament tal-iskart organiku li se jkun qed jipproduċi kompost agrikolu, kif ukoll impjant b’faċilità tal-irkupru ta’ materjal riċiklabbli. Dan ix-xogħol jorbot ukoll max-xogħol li qiegħed jitwettaq mill-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, li fost ħidmiet ambizzjużi oħra, bħalissa qed jiffinalizza r-riforma tal-Politika dwar il-Ġestjoni tal-Iskart.

Il-Kap Eżekuttiv, Richard Bilocca spjega kif dan l-interess huwa xhieda ta’ pjan robust li ser iwassal għal titjieb fil-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali. 

Sport