Lil Joe Vella, impjegat tal-Union Print li issa ilu ftit mhux ħażin li irtira, ma tistax ma tibqax tiftakru għat-tbissima tiegħu.
Ma tgħaddix ġurnata li ma ssibux jiċċajta. Xi tinbixa ‘l hawn u ‘l hemm ma kinitx tonqos, l-aktar meta ssemmilu l-Wied l-Għajn.
Joe kien daħal ta’ età żgħira ħafna mal-Union Print u għal ħafna snin kien involut fl-impaġnar tal-ġurnali IT-TORĊA u L-ORIZZONT.
Joe bħal impjegati l-oħra kien dejjem infurmat b’dak li jkun qed jigri madwar u fil-pajjiż. Lest li jiddiskuti u jiddibatti. Ħaddiem li dejjem lest issibu ta’ appoġġ għal min ikollu bżonnu.
Sfortunatament Joe għadda għal ħajja ta’ dejjem fl-aħħar sigħat. L-ORIZZONT, IT-TORĊA u talk.mt jagħtu l-kondoljanzi lill-familjari.
Il-funeral tiegħu se jsir il-Ħamis li ġej fl-4.00p.m. ġewwa l-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar.