Sunday, December 22, 2024

L-impjiegi full-time jiżdiedu b’4.2% f’Diċembru

Aqra wkoll

F’Diċembru li għadda, l-impjiegi full-time żdiedu b’4.2% filwaqt li dawk li kellhom impjieg part-time bħala xogħol primarju tagħhom żdiedu b’6% meta mqabbel mal-istess xahar tal-2020. 

Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li turi kif fuq perjodu ta’ sena, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol (eskluż il-part-timers) f’Diċembru li għadda żdiedu bi 3.5%, biex laħħqu l-244,381. Dan kien attribwit prinċiparjament għaż-żieda fl-impjiegi full-time u tnaqqis reġistrat fil-qgħad. 

L-akbar żieda fl-impjiegi kienu rreġistrati fis-settur tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel segwiti mis-settur tal-kostruzzjoni, b’1,404 u 1,276 persuna rispettivament. Dawk b’impjieg full-time fis-settur privat żdiedu b’9,049 persuna filwaqt li dawk li għandhom impjieg full-time fis-settur pubbliku żdiedu b’703 persuni. 

In-numru ta’ persuni reġistrati bħala full-time self-employed żdiedu b’1,080 meta mqabbel ma’ Diċembru tal-2020.

L-istatistika turi wkoll li l-ħaddiema part-time f’Diċembru 2021 żdiedu b’9.9% meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. In-numru ta’ part-timers li kellhom ukoll impjieg full-time kienu jammontaw għal 36,279, li jfisser żieda ta’ 13.9%.

Ekonomija

Sport