Friday, November 15, 2024

L-IMPORTANZA LI PAJJIŻNA JKOLLU VIŻJONI EKONOMIKA

Aqra wkoll

Kien tassew f’waqtu u f’postu d-diskors tal-Prim Ministru quddiem l-imsieħba soċjali fejn spjega fid-dettall l-istrateġija ekonomika tal-gvern. 

Strateġija ekonomika mġedda li tisħaq fuq il-bidliet kbar li rridu nkomplu nagħmlu fis-snin li ġejjin partikolarment il-qalbiet ambjentali, diġitali u l-emfasi fuq il-ħiliet. Kien diskors importanti għax filwaqt li ffoka kważi kollu kemm hu dwar il-ġejjieni, indirizza miti li xi kultant tħallew jinbnew wisq dwar l-ekonomija Maltija. 

Daqstant ieħor kien importanti li d-diskors irrefera għal dak li diġa’ kiseb pajjiżna. Għax ebda pajjiż ma jista’ jaspira li jikseb iktar jew aħjar jekk il-pedament ma jkunx sod. U huwa fuq dak il-pedament li rridu nibnu s-suċċessi għaż-żmien li ġej. L-ogħla rata ta’ xogħol, l-inqas rata ta’ qgħad u fost l-iktar ekonomiji li jikbru fl-Ewropa huma lkoll kisbiet li ma nistgħux nieħdu ‘forgranted’ għaliex huma l-kisbiet li taw id-dinjità lil eluf kbar ta’ nies li bdew jesperjenzaw indipendenza ekonomika u dħul aħjar, fost oħrajn. Iżda, dak ma jfissirx li nistrieħu fuq li ksibna sal-lum. 

Żgur li bħala gazzetta li titkellem f’isem il-ħaddiem nibqgħu nemfasizzaw il-ħtieġa tal-emfasi fuq il-kwalità tal-ħajja. Kien dak il-messaġġ li anke qawwilna qalbna mid-diskors tal-Prim Ministru. 

L-emfasi fuq il-ħtieġa li min iħaddem iħares lejn il-ħiliet biex ikun kompettitiv u mhux lejn kif se jiffranka minn fuq il-ħaddiem hija xi ħaġa li bħala gazzetta ilna nisħqu dwarha. Li dan is-sinjal qed jingħata wkoll mill-kap tal-gvern hija xi ħaġa li tagħmlilna kuraġġ anke jekk irridu ngħidu li mhux sorpriżi. Dan għaliex fil-livell edukattiv u fl-iskemi għall-intrapriżi ilna naraw inċentivi u inizjattivi li jimmiraw lejn din id-direzzjoni. Peró tant hu importanti dan is-suġġett li dejjem jista’ jsir iktar. 

Iktar minn hekk huwa importanti li politika ta’ dan it-tip tkun żviluppata bis-sehem tal-imsieħba soċjali kollha. Nifhmu li fis-soċjetà hawn ilħna differenti u kulħadd se jagħmel sforz biex leħnu jkun dak li jasal l-iktar u nifhmu wkoll li l-gvern irid jisma’ lil kulħadd. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-gvern għandu jara li jieħu d-deċiżjonijiet li jibqgħu jagħtu lill-pajjiż ċertezza u stabbiltà u d-djalogu soċjali huwa element importanti għal dan kollu. 

Għalhekk laqtitna d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li  “l-istrateġija u l-viżjoni ekonomika tal-gvern għandha tkun magħġuna minn firxa wiesgħa ta’ nies li jirrappreżentaw l-interessi ta’ kulħadd. Hekk irnexxejna, u hekk irridu nibqgħu nirnexxu bħala pajjiż.” 

Żgur li dan qawwa qalb l-imsieħba soċjali kollha preżenti. Wara kollox huwa l-messaġġ ta’ fiduċja u ottimiżmu li jżomm pajjiż għaddej b’saħħtu ‘l quddiem. Għax fuq il-fiduċja tista’ tibni politika ta’ suċċess. Realiżmu iva, iżda sfiduċja f’pajjiżna qatt. Wara kollox dan pajjiż sabiħ u mimli ħiliet li anke quddiem l-isfidi internazzjonali m’għandu jaqta’ qalbu qatt. Għelibna pandemija u n-nies qed jiġu mgħejuna bil-kbir quddiem l-effetti ta’ gwerra li ħasdet l-Ewropa. It-tbassir għal li ġej hu pożittiv u sa din il-ġimgħa stess, filwaqt li bħal dejjem għamlet ir-rakomandazzjonijiet tagħha, ir-riformi tal-gvern kienu nnotati mill-Kummissjoni Ewropea. Dan kollu jimlina b’kuraġġ. Dan kollu jixhed li pajjiżna jaf sew fejn hu sejjer. U huwa għalhekk li nistgħu nitkellmu fuq opportunitajiet ġodda u drittijiet aħjar.

Ekonomija

Sport