L-importanza strateġika tas-settur tal-avjazzjoni fl-ekonomija Maltija kien iċ-ċentru tad-diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja nhar l-Erbgħa li għadda waqt laqgħa li ġiet organizzata mit-Taqsima tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u li saret fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.
Il-GWU, bħala membru attiv tal-istess ETF, tinsab kburija li ospitat din il-laqgħa li kienet mifruxa fuq tlitt ijiem, fejn laqgħet rappreżentanti tal-ħaddiema tal-avjazzjoni minn madwar l-Ewropa għal djalogu u kollaborazzjoni dwar il-futur tal-industrija.
Fid-diskors tiegħu, Bugeja enfasizza wkoll dwar il-ħtieġa li t-tkabbir settorjali jimxi id f’id ma’ sorveljanza qawwija tas-sigurtà u protezzjonijiet soċjali robusti għall-ħaddiema.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied jgħid li d-dinja tax-xogħol qed tgħaddi minn trasformazzjoni mgħaġġla fis-setturi kollha, immexxija l-aktar minn avvanzi fl-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji diġitali. Hekk kif din il-bidla qed taċċellera, aħna bħala rappreżentanti tal-ħaddiema nitolbu approċċ ċar u responsabbli li jpoġġi lill-impjegati fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.
“L-AI u t-teknoloġiji l-ġodda jridu jappoġġjaw lill-ħaddiema — mhux jissostitwixxuhom. Irridu nsawru l-bidla b’mod proattiv biex niżguraw li tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u għas-soċjetà kollha kemm hi,” qal Bugeja.
Filwaqt li t-teknoloġija tista’ ttejjeb il-produttività u l-effiċjenza, l-element uman irid jibqa’ fundamentali. “Ix-xogħol isir min-nies. It-teknoloġija hija għodda — mhux sostitut għar-responsabbiltà umana, il-kreattività u d-dinjità.”
Bugeja enfasizza wkoll l-importanza li nipproteġu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi appella għal salvagwardji ċari biex jipprevjenu d-disponibbiltà kostanti, it-tagħbija żejda diġitali u tnaqqir tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Sadanittant, f’kummenti li ta Josef Maurer, il-Kap tal-Avjazzjoni u l-Affarijiet Marittimi fi ħdan l-ETF, ġie enfasizzat l-importanza ta’ din il-laqgħa fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-avjazzjoni f’Malta u anke tal-avjazzjoni fl-Ewropa mal-awtoritajiet kompetenti.
Maurer qal li b’dan il-mod kompliet tissaħħaħ is-sħubija anke mal-awtoritajiet Maltin sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet li qed ikollhom ħabbtu wiċċhom magħhom il-membri fosthom dawk relatati mal-leġiżlazzjoni b’rabta mas-sigurtà tal-avjazzjoni.
Min-naħa tiegħu, Jurgen Azzopardi, Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni spjega li l-iskop ta’ din il-laqgħa “huwa li nkomplu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-membri tagħna u b’din il-laqgħa nkomplu nwessgħu s-sħubija tagħna iktar il barra milli diġà hi.
“Hawn insibu ħafna ħaddiema li huma mifruxin u għalhekk bil-kollaborazzjoni ta’ unjins oħra u tal-ETF inkunu nistgħu nagħmlu dan possibbli,” tenna Azzopardi.
Matul is-sessjoni tal-Ħamis, saru wkoll bosta interventi fosthom minn rappreżentanti tal-ALPA, mill-Union tal-Cabin Crew u anke mill-ETF Joint Aircrew Committee.

