Wednesday, July 24, 2024

L-IMPORTANZA TA’ ĦADDIEMA MALTIN IMĦARRĠA

Tikteb Marija Sara Vella Gafà – Kandidata tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew

Aqra wkoll


Qatt ma kien importanti daqs illum li l-ħaddiema tagħna jkunu mħarrġa fil-ħiliet il-ġodda għax-xogħol ġdid li qed jinħoloq. Kif qed tiżviluppa l-ekonomija dinjija jeħtieġ li jkollna ħaddiema mħarrġa biżżejjed biex jaħtfu l-opportunitajiet li jiġu quddiemhom meta jersqu lejn il-pajjiż investimenti minn kumpaniji li joffri prodotti u servizzi fl-aħħar teknoloġiji, fis-servizzi finanzjarji, gaming u oqsma ġodda oħra li pajjiżna qed jagħmel minn kollox biex jattira lejh.

Kien ta’ sodisfazzjon għal kulħadd li fl-aħħar xhur tħabbret l-espansjoni li se ssir f’Malta mill-kumpanija internazzjonali ST Microelectronics. Imma xi jkun jiswa’ jekk ma jkollniex biżżejjed ħaddiema Maltin imħarrġa biex jaħtfu l-opportunitajiet li se toffri din l-espansjoni? Kemm għandna bżonn li bħala pajjiż naraw li s-sistema edukattiva tagħna qed tagħmel minn kollox biex tħajjar liż-żgħażagħ tagħna jaqbdu karriera fl-inġinerija u fl-IT biex l-ewwel li jieħdu dawn l-opportunitajiet ikunu l-Maltin.

L-aħħar statistika tal-Unjoni Ewropea wrietna li għat-tieni xahar wara l-ieħor, Malta kellha l-inqas rata ta’ qagħad fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan huwa sinjal mill-aktar pożittiv imma jfisser ukoll li investimenti ġodda fil-pajjiż jistgħu jsibuha diffiċli li jimpjegaw Maltin fl-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol li jkunu jistgħu joffru u għaldaqstant ikollhom jirrikorru għal ħaddiema barranin.

Inġusta l-kritika li ssir lill-Gvern li qed ikollu jirrikorri għall-ħaddiema barranin biex l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jaħdmu. Din mhijiex problema ta’ Malta biss imma, mill-inqas teżisti kważi fl-Unjoni Ewropea kollha. Huwa fatt magħruf li minkejja l-gwerra li tinsab għaddejja bejn l-Ukranja u r-Russja, u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li ħasset l-Ewropa fit-tieni nofs tal-2022, is-suq tax-xogħol Ewropew irkupra sew lejn l-aħħar tas-sena l-oħra u kompla jirkupra din is-sena. Statistika Ewropea qed turi li sa tmiem is-sena li għaddiet, fl-Unjoni Ewropea kien hawn jaħdmu kważi 214-il miljun persuna, rekord assolut filwaqt li għall-Ewropa, rata ta’ qagħad medja ta’ 6.2% hija wkoll ċifra storika. F’pajjiżna, bl-għaqal tal-Gvern Laburista, il-qagħad huwa f’rata ferm aktar baxxa mill-medja Ewropea, 2.9% u dan huwa l-inqas fl-Ewropa.

Studji Ewropej qed juru li problemi li nħabbtu wiċċna magħhom aħna biex insibu l-ħaddiema huma simili għal dawk fl-Ewropa fejn hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema fil-kostruzzjoni, is-servizzi tas-saħħa, xogħol xjentifiku, it-teknoloġija u partikolarment l-ICT, l-inġinerija u l-matematika. Aktar mal-popolazzjoni Ewropea tkompli tixjieħ, aktar se jinħass in-nuqqas ta’ ħaddiema li se jkollha bżonn l-Ewropa għall-qalba tal-ekonomija tagħha lejn ekonomija ħadra u diġitali.

Il-fatt li l-popolazzjoni tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea qed tixjieh huwa problema oħra li minħabba fiha qed jinstabu inqas ħaddiema għad-dinja tax-xogħol. Fl-2009, l-Ewropa kellha popolazzjoni ta’ nies bejn l-20 u s-64 sena li kienet tlaħħaq 272 miljun. Sas-sena li għaddiet din niżlet b’seba’ miljuni. Sas-sena 2030, din se tkompli tinżel sal-livell meqjus baxx ta’ 258 miljun.
Hemm ukoll fatturi oħra li jikkontribwixxu għal dan. F’bosta pajjiżi Ewropej il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol għadha baxxa. B’riżultat tad-diversi miżuri li ħa l-Gvern Laburista fl-aħħar għaxar snin, is-sitwazzjoni f’Malta nbidlet tant li issa f’Malta hawn nisa jaħdmu ’il fuq minn 70% ta’ dawk li jistgħu jaħdmu, jiġifieri aktar mill-medja Ewropea.

L-aħħar fattur li rrid nitratta hawn huwa dak ta’ ħaddiema b’nuqqas ta’ ħiliet, fosthom żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-vjaġġ edukattiv tagħhom u immigranti li jaslu fl-Ewropa għax jaħarbu minn pajjiżi fejn hemm il-gwerrer u l-ġuħ. Anke f’pajjiżna, rridu naħdmu bis-sħiħ biex naraw li tkompli tonqos ir-rata ta’ żgħażagħ li ma jkomplux jistudjaw wara li jtemmu l-iskola sekondarja u anke dawk li jibdew korsijiet f’istituzzjonijiet edukattivi bħall-MCAST u l-universita, u ma jkomplu sa l-aħħar il-kors tagħhom. L-impjiegi li l-pajjiż se jkollu bżonn fil-futur huma mpjiegi li jeħtieġu ħaddiema mħarrġa u anke ħaddiema li sal-lum kienu f’pożizzjonijiet li jirrikjedu li jitħarrġu aktar biex itejjbu l-karrieri tagħhom. Jekk nilħqu dawn il-miri nkunu qed niggarantixxu ħajja aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Ekonomija

Sport