Saturday, July 18, 2026
Home Internazzjonali Sitt Iżraeliti arrestati fuq allegat stupru ta’ turista Ingliża f’Ayia Napa

Sitt Iżraeliti arrestati fuq allegat stupru ta’ turista Ingliża f’Ayia Napa

0
366

Sitt ċittadini Iżraeliti ġew arrestati f’Ċipru fuq suspett li stupraw turista Ingliża. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael.

Fl-istqarrija ntqal li l-ambaxxata Iżraelita kienet infurmata b’dan l-allegat każ u li l-konslu tagħha kien f’kuntatt mal-awtoritajiet lokali. Sa issa iżda ma kien hemm l-ebda konferma immedjata mill-pulizija jew mill-gvern tar-Renju Unit.

Madanakollu, il-midja Ċiprijotta qiegħda tirrapporta li l-Qorti ordnat id-detenzjoni ta’ ħames barranin sakemm issir investigazzjoni dwar l-allegat stupru ta’ turista f’Ayia Napa.

Il-mara kienet għamlet rapport mal-pulizija tard il-Ħadd filgħaxija fejn allegat li l-każ seħħ fil-lukanda tagħha aktar kmieni dakinhar. Qed ikun irrapportat li l-ħames suspettati huma mill-Iżrael u għandhom bejn id-19 u l-20 sena.

Il-ġurnal The Times of Israel sadattant ikkwota lill-Avukat Iżraeljan Nir Yaslovitz jgħid lil Channel 12 TV li “skont il-pulizija f’Ċipru, hemm suspett serju, iżda sfortunatament għandna esperjenza b’każijiet bħal dawn. Nittamaw li toħroġ il-verità.”