Friday, May 3, 2024

Il-Maltin involuti fl-inċident tat-traffiku fi Sqallija jaslu kollha lura Malta

Aqra wkoll

Is-sitt Maltin li nhar il-Ħamis li għadda kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fi Sqallija waslu kollha Malta nkluż dawk li kellhom bżonn l-air ambulance.

Il-pjani tal-awtoriatjiet kien li dawn jinġiebu ferm aktar qabel, iżda minħabba biża’ li sakemm jaslu Malta jkollhom xi ċaqlieq fl-ambulanzi allura l-awtoritajiet tas-saħħa Sqallin u dawk Maltin ma ħadux riskju.

Il-każ seħħ meta grupp ta’ Maltin li kienu qiegħdin jivjaġġaw fi Sqallija spiċċaw ħażin wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi triq bejn Pozzallo u Modica.

L-inċident kien seħħ għall-ħabta tat-3:00 p.m bejn vann tal-passiġġieri u karozza tal-għamla Volkswagen T-Roc. B’kollox f’dan l-inċident kienu involuti 10 persuni, fosthom sitt persuni Maltin li kienu fil-vann.

Ir-rapporti fil-ġurnali Taljani rrappurtaw l-inċident bħala wieħed vjolenti u li fih weġġgħu seba’ persuni mill-vann, inkluż ix-xufier li huwa Taljan u tliet persuni oħra li kienu fit-tieni vettura.

Dan is-sit kien jinsab informat li tliet Maltin ittieħdu fi sptar f’Ragusa u t-tlieta l-oħra fl-isptar ta’ Modica. Fl-isptar ta’ Ragusa kien hemm mara u żewgt irgiel. Il-mara ġarrbet ksur fil-minkeb. Wieħed mill-irġiel sofra ksur fi spalltu u l-ieħor jinsab f’qagħda stabbli.

Fl-isptar ta’ Modica hemm żewġ nisa u raġel. Mara ġarrbet ksur fix-xedaq u nefħa f’sieqha, oħra għandha bżonn intervent f’ġenbha u kienet qiegħda titlob li dan isir fi sptar f’Malta u raġel l-ieħor inħareġ mill-isptar.

Sport