Sunday, December 22, 2024

L-importanza tal-ħarsien ambjentali

Aqra wkoll

Fost il-jiem dinjin proklamati min-Nazzjonijiet Uniti, hemm dik magħrufa bħala ‘Earth Day’, li ġiet imfakkra ilbieraħ. L-iskop għal dan il-jum dinji huwa sabiex iqajjem aktar kuxjenza dwar il-ħsara għal ambjent, konsegwneza tat-tniġġis mill-plastik fuq is-saħħa u l-ħajja tan-nies.

Ilu magħruf il-ħsara li jikkawża fl-ambjent, it-tniġġis tal-plastik. Ilni naraw għal snin sħaħ, għadajjar u xmajjar mimlijin b’oġġetti tal-plastik. Għalkemm dan qed jigri f’pajjiżi mbegħdin minn xtutna, il-ħsara li qed isseħħ, hija waħda globali li qed tħalli konsegwenzi gravi fuq il-kwalità tal-ilma.

Fuq aspett lokali, ma nistgħux ninsew li l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent tibqa’ waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-Gvern preżenti. Dan qed narawh bil-ħidma li qed issir biex ikollna aktar spazji miftuħa l-aktar fi bliet urbani fejn ftit li xejn imdorrijin naraw siġar u ġonna fihom.

Il-ħarsien tal-ambjent iżda jirrigwardja wkoll il-baħar u l-kosta Maltija, u minn żmien għal żmien jinħolqu kampanji biex nieħdu ħsieb dawn il-postijiet li f’dan iż-żmien li deħlin fih tas-sajf, jiżdied l-iffullar fihom kemm mill-Maltin u anke mit-turisti.

Ta’ min jgħid li madwar l-Ewropa, bejn 150,000 u 500,000 tunnellata minn 25 miljun tunellata ta’ skart tal-ippakkjar qed jispiċċa fil-baħar, b’theddida għall-ambjent tal-baħar u tal-kosta Ewropea, inkluża dik Maltija.

Nemmnu li fl-aħħar snin sar titjib f’dan il-qasam, li parti minnu huwa dovut għal inizjattivi ta’ edukazzjoni sa minn età żgħira, fejn dawk li jipparteċipaw saħansitra jkunu preżenti f’postijiet bħalma huma dawn l-istess bajjiet biex jesperjenzaw mill-qrib id-differenza ta’ bajja jew ramla safja mill-iskart u dik li jista’ jkollna mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.

Fejn jidħol l-ambjent fejn hemm in-natura ħajja fil-baħar, ħafna drabi nisimgħu dwar inizjattivi li jissalvagwardjaw il-fkieren mill-materjal bħalma huwa l-plastik u xbieki li jintefgħu b’irresponsabbiltà minn xi wħud fil-baħar.

Sfortunatament, dawn mhumiex l-uniċi speċi li huma mhedda mill-irresponsabbiltajiet umani fejn jidħol ir-rimi tal-iskart fil-baħar u għal dan il-għan nemmnu li ma’ dak li diġà sar u li qed ikompli jsir, jeħtieġ li jiżdiedu kampanji edukattivi fuq firxa aktar wiesgħa tal-abitat ta’ dawn l-ispeċi fil-baħar.

Nemmnu wkoll li l-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri u x-xorb kienet pass fid-direzzjoni t-tajba u qiegħda tgħin biex jonqos il-plastik mit-toroq kif ukoll minn fuq il-bajjiet. Għalhekk, għandna nibqgħu ninkoraġġixxu inizjattivi ta’ din ix-xorta anke issa li dħalna fl-istaġun tal-festi, fejn l-iskart iġġenerat ikun wieħed akbar mis-soltu.

B’sodisfazzjon ninnutaw ukoll li stħarriġ riċenti wera wkoll li aktar nies qed jagħmu użu minn materjal sostenibbli sabiex jevitaw l-użu żejjed ta’ plastik li jintuża darba. Minkejja li għad baqa’ ħafna aktar xi jsir, wieħed ma jistax ma japprezzax l-isforzi li qed isiru mhux biss mill-Gvern u anke minn individwi u entitajiet privati biex kemm jista’ jkun jitnaqqas ir-rimi tal-iskart, partikolarment dak tal-plastik.

Ekonomija

Sport