Minn żmien għal żmien ġieli, kien hemm min fostna li staqsa kemm in-newtralità tagħmel sens fid-dinja ta’ llum. Kien hemm min staqsa dan anke quddiem il-fatt li Malta kienet saret parti minn membru tal-Unjoni Ewropea. Ovvjament iż-żminijiet jinbidlu u wieħed jifhem li minn żmien għal żmien ikun hemm min jistaqsi dwar jekk xi ħaġa jew pożizzjoni partikolari tkunx għadha relevanti.
Dejjem sostnejna li n-newtralità ta’ pajjiżna kienet importanti għal pajjiżna u għal prosperità tiegħu. Il-kunflitt li seħħ lejn l-aħħar ta’ Frar bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna, ħarġet aktar fil-beraħ kemm in-newtralit̀à tagħmel sens. Li tibqa’ newtrali f’kunflitt bejn żewġ qawwiet, fejn li tkun membru f’xi alleanza partikolari jista’ faċilment jurta u jitqies bħala theddida għall-pajjiżi ġirien tiegħek.
In-newtralità ta’ pajjiżna hi ċara. Dik li pajjiżna ma jkunx parti u jieħux sehem fl-ebda alleanzi militari. In-newtralità ta’ pajjiżna titlob li ma nieħdu sehem fl-ebda kunflitt. Riċentament irriżulta ukoll u dan anke quddiem dan il-kunflitt, li tnejn minn kull tlett persuni f’Malta jemmnu li pajjiżna għandu jibqa’ newtrali.
F’dinja fejn f’diversi partijiet hemm il-kunfitt, fejn bla dubju qed nintlaqtu b’mod qawwi minn dak li qed jiġri fl-Ukrajna, pajjiżna irid joqgħod attent li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Hu f’dan il-qafas fejn toħroġ l-importanza tan-newtralità, liema newtralità tgħin biex il-pajjiż jieħdu ħsieb tiegħu nnifsu. Jara li ma jispiċċax f’xi kunflitt jew b’xi azzjoni teħżien ir-relazzjoni ma’ pajjiż ieħor. In-newtralità tgħinna, ma nispiċċax nintużaw minn ħaddieħor, jew li faċilitajiet tagħna jintużaw minn xi forzi barranin jew forzi li jkunu f’kunflitt bejniethom.
B’newtralità m’aħniex nifhmu li ma nitkellmux fuq popli li jkunu qegħdin ibatu minn xi kunflitt. B’newtralità ma jfissirx li ddawwar wiċċek għat-tbatijiet ta’ ħaddieħor. Ma jfissirx li ma tipprovax tisma’ il-karba ta’ min ikun qed jesperjenza aggressjoni.
B’newtralità minn alleanzi militari ma jfissirx li ssir passiv u indifferenti quddiem it-tbatija. Fi gwerra ibati kulħadd, l-aktar iċ-ċittadini. Is-solidarjetà m’għandhiex tintrema fil-landa taż-żibel bl-iskuża li aħna newtrali.
Nemmnu li f’dan il-kunflitt, pajjiżna mexa b’kawtela. Ta’ kenn u għen b’mod umanitarju lill-Ukrajna, għajnuna għaċ-ċittadini li għadhom hemm. Pajjiżna laqgħa fi ħdan ukoll għadd ta’ refuġjati li ġew fostna mill-Ukrajna u qed jgħinhom mill-aħjar li jista’.
Nemmnu li pajjiżna, anke minħabba iċ-ċokon tiegħu qed jagħmel sew li jżomm l-ambaxxata Maltija miftuħa fir-Russja. L-ambaxxata tagħna hi wisq żgħira biex tingħalaq u għeluq ma jkunx ifisser xejn għajr uġiegħ ta’ ras għaċ-ċittadini Maltin u Russi li jkollhom bżonn is-servizzi tal-ambaxxata.
Il-kunflitt fl-Ukrajna qed joħloq tbatijiet kbar. Qed iħalli ħafna vittmi innoċenti. Kisser familji sħaħ. Qed joħloq ġrieħi li se jdum ma’ jagħlqu. Nittamaw li s-sens komun jirrenja u tirrenja l-paċi f’dan ir-reġjun. Is-soluzzjonijiet jinstabu fuq il-mejda tan-negozjati u mhux fl-armi u l-bombi.