Tuesday, May 14, 2024

L-importanza tas-saħħa mentali u l-benesseri tal-istudenti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-saħħa mentali u l-benesseri tal-istudenti kienu diskussi lbieraħ waqt konferenza li saret għal dan il-għan fejn kienu mistiedna persuni mill-Estonja li għandhom esperjenza f’dan il-qasam. Dan sabiex jaqsmu l-ideat ma’ edukaturi Maltin fuq dawn it-temi u kif dawn qed jiġu indirizzati fl-Estonja. 

Fost il-kelliema li indirizzaw il-konferenza kien hemm il-Fundatriċi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Triumf Health tal-Estonja Dr Kadri Haljas li semmiet kif is-sistema edukattiva tal-Estonja tagħti prijorità u anke taħseb f’metodi alternattivi biex ittejjeb aktar is-saħħa mentali fost it-tfal. Dan tagħmlu fost oħrajn permezz tat-teknoloġija.

Dr Haljas bdiet billi qalet li l-problemi relatati mas-saħħa mentali qegħdin jiżdiedu madwar id-dinja kollha u li bħalissa f’pajjiżhom għaddej studju, mifrux mal-popolazzjoni kollha, dwar is-saħħa mentali fost it-tfal. Qalet li huma jinvestu ħafna fl-edukazzjoni u t-teknoloġija tippermetilhom ikunu ta’ appoġġ fil-promozzjoni u l-prevenzjoni f’dan il-qasam fost l-istudenti. 

“Li tkun diġitali tgħinek sabiex tkun aktar effettiv fl-infiq, aktar aċċessibbli u personalizzat,” żiedet tispjega Dr Haljas. “Għalkemm qatt ma tista’ sservi bħala bidla għas-sessjonijiet li jsiru b’mod individwali, it-teknoloġija tista’ tkun ta’ għajnuna f’dik li hi prevenzjoni u promozzjoni.” 

Sadanittat, fil-ftuħ tal-konferenza, il-President Emeritu Dr Marie Louise Coleiro Preca semmiet kif il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet impatt qawwi fost it-tfal minħabba li ma setgħux jiltaqgħu ma’ sħabhom jew anke tilfu wħud mill-membri tal-familja tagħhom. 

Qalet li t-tfal huma l-aktar vulnerabbli u rridu nagħtu aktar każ tal-benesseri tagħhom. “L-identifikazzjoni bikrija tas-saħħa mentali u l-problemi relatati mal-imġiba hija essenzjali għal irkupru tajjeb b’aċċess ukoll għall-appoġġ.”

“Irridu nżommu f’moħħna li t-tfal huma b’saħħithom aktar milli jidhru u aktar intelliġenti milli wieħed jaħseb. Madankollu, għandhom ikunu motivati biex jemmnu fihom infushom u jkunu inkoraġġiti li jitkellmu meta jkollhom bżonn l-għajnuna,” temmet tgħid il-President Emeritu Coleiro Preca. 

Il-konferenza, li saret fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana, ġiet organizzata minn Mindful Education Malta, l-Iskola Mater Boni Consilii f’Raħal Ġdid Triumf Health (Estonja) u taħt l-awspiċi tal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella.

Sport