Saturday, November 23, 2024

“L-impressjoni li qed tipprova tagħti l-UĦM dwar tneħħija tat-telework mis-Settur Pubbliku hija waħda skorretta”

Aqra wkoll

L-impressjoni li qed tipprova tingħata mill-istqarrijiet tal-UĦM dwar tneħħija tat-telework mis-Settur Pubbliku hija waħda skorretta. Qal dan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fi stqarrija li fiha żied jgħid li kuntrarjament għal dan ilbieraħ stess u drabi oħra qabel, intqal pubblikament mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar li, fi żmien meta ħafna xogħol mal-gvern kien qed isir mid-djar, saret analiżi biex ikun magħruf x’jista’ jitjieb kemm fl-istrutturi u kemm fit-teknoloġija bil-għan li, permezz ta’ remote working, ikun hemm bilanċi ġodda bejn il-ħtiġijiet tas-servizz u tal-impjegat.

 L-istqarrija tkompli żżid li r-realtà hija li s-Servizz Pubbliku ilu snin twal iħaddem sistemi ta’ flessibilità fix-xogħol tiegħu, inkluż it-teleworking, tant li s-Servizz Pubbliku huwa leader fis-soċjetà dwar dan il-qasam.  

B’referenza għaċ-ċirkulari ta’ nhar it-Tlieta li għadda maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li kienet tgħid li kulħadd għandu jerġa’ lura mil-lum għall-iskeda ta’ xogħol li kellu qabel tfaċċat il-Covid-19, l-istqarrija ttenni li din kienet ċara li min kien jaħdem bit-teleworking approvat qabel il-pandemija, ikompli b’dik l-iskeda ta’ xogħol.

L-istqarrija tkompli tisħaq li l-maniġment tad-dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi ilhom snin bil-fakultà li japprovaw huma talbiet mill-impjegati għal teleworking.

Intant bejn il-ġurnata meta ħarġet iċ-ċirkulari tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u lbieraħ, kienu proċessati għadd ta’ talbiet għal teleworking temporanju minħabba ċirkostanza jew oħra, u l-managements għamlu l-arranġamenti adekwati għad-dipartimenti tagħhom. 

L-istqarrija temmet tgħid li dan juri xenarju ’l bogħod ferm mill-impressjoni skorretta tal-UĦM li l-gvern neħħa t-teleworking.

Sport