Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), li saret l-Erbgħa li għadda fil-bini tal-General Workers’ Union, il-Belt Valletta, l-imsieħba soċjali ngħataw aktar informazzjoni dwar il-viżjoni strateġika tal-Kunsill għaż-żmien li ġej.
Fi preżentazzjoni li saret miċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, ingħatat spjegazzjoni dwar x’se jkun qed jikkonsisti dan il-pjan, il-mod li bih se jaħdmu u kif tassew ikunu pro-attivi u kontabbli għall-ġenerazzjonijiet futuri, mhux bil-kliem imma bil-fatti.
“Kulħadd qabel illi l-mod kif ippreżentajt l-istruttura l-ġdida tal-MCESD, b’CEO li jmexxiha, bi struttura madwarha fuq livell ta’ intelliġenza, riċerka u policy tgħin lill-imsieħba soċjali kollha, anke b’diskussjonijiet li jwasslu għal rakkomandazzjonijiet tanġibbli u għalhekk tkun ta’ sapport pro-attiv lil min jieħu d-deċiżjonijiet, f’dan il-każ il-Gvern, u jekk hemm bżonn inkunu ta’ interlokutur bejn il-Gvern u s-soċjeta ċivili,” qal il-Perit Xuereb f’kummenti li ta lil dan is-sit Talk.mt.
Huwa spjega li f’dawn l-aħħar tliet xhur kienu qed jaħdmu sabiex mhux biss jaraw fejn waslu imma aktar importanti minn hekk, fejn iridu jmorru. Saħaq li l-MCESD ma tridx attiva fuq livell reattiv, imma trid tkun pro-attiva biex tagħti valur kemm lill-Gvern u anke lill-pajjiż.
“Naħseb ta’ min li bħala msieħba soċjali, inkunu ċari ħafna u jekk le insaqsu f’liema direzzjoni qed immorru bħala pajjiż – dik deċiżjoni li jeħodha l-Gvern imma tajjeb inkunu ċari fuqha sabiex inkunu nistgħu ngħinu bil-policies, bl-analiżi, u r-rakkomandazzjonijiet biex dik l-ambizzjoni ta’ pajjiż u bħala Gvern tintlaħaq bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Fuq livell konsultattiv, allura nkunu pro-attivi f’din il-mixja b’enerġija u effiċjenza kbira,” qal il-Perit Xuereb.
Huwa tenna jgħid li “għandna dan l-irwol importanti. Il-pjan huwa li nkomplu nistrutturaw dan kollu biex jekk jista’ jkun sal-aħħar ta’ din is-sena nkunu għamilna dan ix-xogħol.”