Minn ċkuniti kont miġbud lejn dan ir-raħal jekk tista’ tgħidlu raħal. Xi ħames djar u xejn iktar. Kont imur għal tagħlim reliġjuż – tal-Muzew – li kienu jeħduna bħala ħarġa fil-kampanja lejn l-Imtaħleb. Issoktajt matul iż-żmien ma’ ħbieb inżur dan il-lokal li jinsab fil-Punent ta’ Malta.
LEJN L-IMTAĦLEB
Fl-imgħoddi ta’ żmien id-Dinglin biex jaslu l-Imtaħleb kienu joħorġu barra r-raħal jgħaddu mill-inħawi ta’ Misraħ Suffara u wara ftit mixi iduru lejn Wied Baldu. Minn hemm jitilgħu minn mogħdija wieqfa u jinsabu f’xagħra kbira u twila li twasslek l-Imtaħleb. Dan il-ftuħ lejn x-Xaghra intemm għax xi bdiewa għalqu idin it-trejqa.
Ma’ tul ix-xagħra hemm żewġ ħitan, ftit ‘lbogħod minn xulxin iduru daqqa lejn il-lemin jew lejn ix-xelluq. Mibnija stil militari iżda tagħrif fuqhon nagħtih iktar ‘lisfel f’dan l-artiklu.
Jekk tibqaħ timxi matul l-irdum ta’ Wied Baldu, taqbad t-triq li tieħdok lejn l-Imtaħleb
ĠMIEL L-IMTAĦLEB
L-Imtaħleb jinsab fuq xifer ta’rdum; hemm kappella b’zuntier żgħir ddedikata lill-Vittorja. Il-l-kappella tħares lejn il-wied ta’ Migra Ferħa u minn hemm hemm dehra mill-isbaħ mifruxa fuq għelieqi kollha ħdura. Minn ħdejn il-kappella kont tinżel ‘lisfel minn taraġ maqtugħ fil-blat lejn xi ftit djar. Jiena kelli lill-kuġina Vitor miżżewġa lil Klawdu Cortis toqgħod hemm. Klawdu twieled u għex l-Imtaħleb; huwa jaħdem ir-raba’ kollu minn taħt l-irdum sa’ l-wied ta’ Miġra Ferħa.. Rixtellu kbir kien jagħlaq it-trjq għad-djar biex iżomm in-nies milli jgħaddu jgħaffġu fl-ghelieqi. Jiena, b’riħet Klawdu kont inżur, anke ma’ xi ħbieb minn passaġġ minn bejn l-għelieqi bl-mixi sa’ kemm nasal Miġra Ferħa!
L-IMTAĦLEB MAGĦLUQ
Xi xhur ilu t-tifla staqsietni jekk irridx inmorru lejn Miġra Ferħa. Jiena lqajt l-istedina iżda għażilt li niġbdu lejn l-Imtaħleb. Il-ħsieb tiegħi kien li inżur dawk il-ħitan militari. Soqna lejn dan ir-r-raħal iżda ma stajniex naslu sal-Kappella. Post li għaraft kien dak li kien jintuża lokal ta’ fejqan minn droga li qabel kienet skola għal tagħlim lil tfal mibnija minn gvern Laburista fl-1956.
Xejn iktar ma stajt nasal imkien. Inżilna lejn ir-rixtellu li ma kienx f’postu. Imxejna mutul triq mibnija bil-konkos li tasal qalb l-gheliqi. Jiena għaraft id-dar ta’ Klawdu Cortis imġarrfa bħal djar oħra. It-tifla ma rnexxiliex titla’ it-taraġ ‘il fuq lejn il-Kappella għax fin-nofs kien hemm rixtellu msakkar. Morna bil-karrozaa minn trejqa għal hdejn il-Kappella iżda hawn ukoll barrikata tal-ħadid msakkra kien tbarri li naslu sal-Kappella.
Imdejjaq u rrabjat tlabt biex nsuqu madwar l-inħawi; ltqajna ma’ bidwi u tlabtu kif nasal sal-Kappella u ħdejn il-ħitan militari. Kien minn dawk l-inħawi. Qalli b’leħen irrabjat u għoli “l-Imtaħleb magħluq! Il-Baruni sid ir-raba’ għalaq kullimkien. “Fejn qabel wieħed kien jista’ jasal x’ħin irid u kif jogħġbu issa huwa imfixkel sew.” Qalli ukoll li huwa jaf b’ dawn il-ħitan u urieni kif nasal ħdejhom.
Jiena ma nistax nifhem kif triqat li kienu pubbliċi in-nies setgħu jgħaddu minnhom, xi ħadd jaqbad u jagħlaqhom għal pubbliku. Huwa tassew ukoll, li xi nies jaslu biex jagħmlu ħsara lill-ambjent iżda dawn għandhom jiġu kkontrollati mhux li ma tħallix minn igawdi d-dehra sabiħa ta’ l-ambjent bħal dawk ta’ l-Imtaħleb.
ĦITAN TA’ L-ISTORJA MILITARI
Kif għarrafna dak il-bidwi morna infittxu dak il-post. Waqafna sa’ fejn stajna bil-karrozza u nżilna infittxu ‘hawn u ‘l hinn. F’daqqa waħda b’ghajta ta’ ferħ għidt hawn huma il-ħitan. Għaraft dawk l-inħawi konna wassalna n-naħa l-oħra tal-ħitan li jibdew minn it-trejqa ta’ ħdejn Wied Baldu. Għid lit-tifla ara dak il-bir li ikun mimli bl-ilma ta’ xita. Kien ikun hemm barmil ta’ żingu b’ħabel biex kif naslu wara mixja minn Ħad-Dingli konna naħslu wiċċna u nixorbu ilma frisk!
Wara xi ġimgħat erħajt mort hemm ma’ ħabib tiegħi s-sur Ingram Bondin li huwa il-President ta’ Ramblers Association. Il-ħitan huma mifrudin minn xulxin xi tlett metri u għolja xi żewġ metri. Il-ħitan mibnija bil-ġebel tal-qawwi mkaħħal b’ġir iswed bi stil militari. Iżda xi skop kien? Xi nies minn Ħad-Dingli kienu qaluli li dawn inbew mill-gvern Ingliż matul l-ewwel gwerra dinja biex jilqgħu ghal xi invażjoni militarii. Izda fejn qeghdin l-irdumijiet ta’ Wied Baldu u ta’ Miġra Ferħa huma difiża naturali.
Fis-16 ta’ Settembru 2020 jiena tlabt lis-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali jekk għandhomx xi informazzjoni dwar il-ħitan. Huma wieġbu li m’għandom l-ebda tagħrif. Għalija din it-tweġiba kienet fieragħha u ma tagħmel l-ebda ġieħ li din l-istituzzjoni. Il-gvern Ingliż kien iżomm tagħrif sħiħ dwar l-ispejjeż li jagħmel għal difiża ta’ Malta u li kieku bi ftit riċerka is-Sovrantendenza kienet tiġbor mhux biss tagħrif fuq l-espejjeż iżda wkoll għal liema skop saru dawk il-ħitan.