Sunday, December 22, 2024

L-IMWIET FIS-SUQ TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Qed tkun impressjoni personali jew veru li l-imwiet li qed iseħħu fil-postijiet tax-xogħol jolqtu l-aktar lil ħaddiema barranin? Minnu li l-mewta krudili tal-motoċiklista Nepali Ajay Shrestha l-ġimgħa li għaddiet fil-Marsa, meta waqa’ fuqu trakk mimli ħadid kienet traġedja mhux tas-soltu. Imma ma naħsibx li waħdi qiest kif is-sewwieqa ta’ muturi li qed iwasslu l-ikel fid-djar jinsabu ta’ spiss fir-riskju ta’ inċident serju tat-toroq. U lkoll nafu kif ħafna minnhom huma barranin.

Sadattant, il-maġġoranza ta’ aċċidenti f’binjiet tielgħa huma ta’ ħaddiema Għarab u Afrikani. 

Ħafna mix-xogħlijiet diffiċli jew ta’ dwejjaq fil-pajjiż qed jeħduhom il-barranin. Tgħid dan jista’ jwassal biex nillaxkaw il-kontrolli tas-sigurtà li jeħtieġ jinżammu biex inħarsu s-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema? Jew biex inqisu li dil-ħaġa m’għandhiex għalfejn tingħata daqstant importanza?

***

REFERENZA: IR-RENJU UNIT

F’żogħżiti, il-paragun bejn l-istil ta’ ħajja f’Malta u f’pajjiżi oħra konna nagħmluh l-aktar mar-Renju Unit. Londra kienet mitqiesa bħala l-belt li għandek iżżur u tgħix fiha jekk titħajjar tħalli l-gżejjer tagħna. L-Italja li fi żminijiet oħra kienet l-aqwa destinazzjoni tal-Maltin, allura sabet ruħha fit-tieni post, lura ħafna fuq l-“Ingilterra”. Meta wasal it-televixin Taljan, dan beda jinbidel xi ftit.

Kellna l-istil ta’ ħajja fir-Renju Unit bħala l-aqwa punt ta’ referenza għal x’għandna nipprovaw nikkupjaw jew nieħdu minn ħaddieħor. 

Niddubita jekk dan għadux minnu. Il-paraguni llum saru aktar jippernjaw madwar l-“Ewropa”. Ir-Renju Unit donnu m’għadux jitqies bħala parti minnha. Id-differenza madankollu hi li l-kunċett ta’ “Ewropa” f’moħħ ħafna hu vag. M’għandux il-piż li kien ikollha r-referenza għar-Renju Unit fl-imgħoddi. Fil-verità dwar il-kunċett tal-Ewropa, l-Maltin jieħdu individwalment dak li jippreferu minnu, naturalment dak li jaraw bħala l-aktar attrajenti. M’hemmx il-konkretezza li biha konna nqisu l-moda, l-ikel, id-divertiment, il-kultura, l-opportunitajiet ta’ xogħol li “qabel” konna naraw fir-Renju Unit.

***

IL-FEDERALISTI EWROPEJ

Il-federaliżmu għadu qawwi fost ħafna Ewropej, għalkemm mhuwiex forza maġġoritarja. Meta fil-fatt, iqumu proposti li jmorru f’sens ta’ aktar federaliżmu, kemm fost il-gvernijiet u kemm fost il-popli, tqum mewġa kuntrarja li tmewwet kollox.

Żball li jagħmlu l-federalisti hu li jinsistu fuq bidliet istituzzjonali li bihom tissaħħaħ il-qawwa eżekuttiva ta’ organi ċentrali tal-Unjoni Ewropea għad-“dannu” ta’ gvernijiet u parlamenti nazzjonali. Dan iqajjem reżistenzi minn dawk li jifhmu xinhu jiġi propost, u min ma jifhimx.

Mentri hemm żviluppi fit-tmexxija tal-komunitajiet tal-lum li aktar u aktar ma jistgħux jiġu amministrati minn pajjiż wieħed, għalih innifsu. Materji bħall-protezzjoni tal-ambjent; it-tmexxija tas-servizzi diġitali; is-saħħa publika; ħarsien tal-ewro… F’hekk tinsab il-vera opportunità tal-federalisti.

Ekonomija

Sport