Monday, May 13, 2024

“L-inċertezza fil-familji minħabba l-pandemija tal-Covid-19 żiedet fl-istress”; Jiddiskutu l-vjolenza domestika b’mod virtwali f’Jum l-Omm

Aqra wkoll

L-inċertezza fil-familji minħabba l-pandemija tal-Covid-19 żiedet fl-istress, speċjalment fejn hemm problemi ta’ abbuż, vjolenza u/jew mard mentali u fiżiku. Qalet dan il-Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri f’laqgħa virtwali li kellha f’Jum l-Omm ma’ mart il-President is-Sinjura Miriam Vella.

Friggieri saħqet li din is-sitwazzjoni taf tiggrava l-problemi eżistenti u għalhekk jeħtieġ ikun hawn kuxjenza akbar f’dan ir-rigward.

Min-naħa tagħha, is-Sinjura Vella appellat biex min għaddej minn xi tip ta’ vjolenza domestika jfittex l-għajnuna. Qalet li tinsab konxja tat-tbatijiet li jiffaċċjaw il-vittmi tal-vjolenza domestika, tant li matul is-snin b’mod regolari l-Malta Community Chest Fund Foundation għenet nisa li rrikorrew għall-għajnuna soċjali u medika. 

Is-Sinjura Vella tkellmet iddiskutiet is-sitwazzjoni attwali ta’ din il-pjaga soċjali f’Malta

Is-Sinjura Vella xtaqet tieħu l-opportunità biex f’Jum l-Omm twassal messaġġ ta’ tama u ta’ kuraġġ lill-vittmi.  “Tibżgħux titkellmu u tfittxu s-sostenn tal-entitajiet konċernati. M’hawn xejn agħar milli wieħed ma jħossux sigur fid-dar tiegħu stess. Għalhekk agħmlu kuraġġ, tibżgħux u fittxu l-għajnuna qabel ma jkun tard wisq.”

Intant, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, is-Sinjura Vella xtaqet ukoll tagħti għajnuna lill-ommijiet li qed jgħixu fi tliet xelters li jagħtu kenn lill-vittmi tal-vjolenza domestika f’Dar Merħba Bik, Dar Qalb ta’ Ġesù u L-Għabex.

Dawn it-tliet xelters jgħinu lin-nisa u lill-ommijiet (vittmi tal-vjolenza domestika) u uliedhom ta’ etajiet differenti, biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom f’ċirkostanzi aħjar.

Sport