Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, ġie ċċelebrat l-Jum Internazzjonali tal-Infermiera, jum li wieħed jirrikonoxxi u japprezza l-ħidma, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji kbar li jagħmlu l-infermiera madwar id-dinja biex joffru kura ta’ kwalità lill-pazjenti.
Tkellimna ma’ Jasmine Bartolo, infermiera żagħżugħa ambizzjuża li taħdem ġewwa r-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul fejn magħna stqarret li lill-infermiera kollha bħalha xtaqet tgħidilhom li huma super-eroj mingħajr ma jafu. Dan filwaqt li appellat lill-pubbliku u lil dawk kollha fil-qasam mediku sabiex japprezzawhom mhux biċ-ċapċip u t-tifħir biss imma wkoll ikunu grati lejhom.
Meta staqsejnieha kif bdiet il-ħajra tagħha li ssir infermiera, bdiet biex qaltilna li l-ħajra lejn din il-karriera nibtet dejjem mill-imħabba li kellha lejn ix-xjenza u minn mindu kienet żgħira dejjem uriet interess kbir fil-qasam tas-saħħa u fl-aspett mediku. Għażlet triq fejn setgħet tkun ta’ medjatur bejn il-pazjent u membri oħra interdixxiplinarju u li tista’ tgħin lil ħaddieħor permezz ta’ xogħolha u tagħti kontribut lejn is-soċjetà.
Irrimarkat li permezz tal-professjoni ta’ infermiera, tħossha li qed tilħaq dawn il-kriterji kollha. Qalet ukoll li dan għax apparti milli qed tipprovdi kura fiżika, qed tidħol iktar f’xi ħaġa profonda għax qed tagħti leħen lil pazjent li m’għandux vuċi u qed tkun mal-pazjent fl-aktar mument kruċjali.
Ta’ min wieħed јinnota li x-xogħol fil-qasam tas-saħħa mhu faċli xejn, speċjalment meta pajjiżna kien għaddej mill-pandemija tal-Covid-19. Dwar dan, spjegatilna liovvjament ix-xogħol huwa dejjem ta’ sfida u li għalkemm bħalissa m’għandniex il-pandemija, xorta bħala infermiera qed taffaċċja sfidi oħra għax hemm mard ieħor perikoluż inkluż mard tad-demm u mard li jittieħed.
Minn esperjenza personali tagħha, hija ħasset li l-perjodu tal-pandemija kien ta’ daqqa ta’ ħarta fis-settur kollu tas-saħħa.
Qaltilna li kien punt fejn l-infermiera, it-tobba u l-qasam mediku kollu kellu jingħaqad u jiġbed ħabel wieħed sabiex is-settur tas-saħħa ma jikkollassax u sabiex tibqa’ tiġi pprovduta l-aqwa kura lill-pazjent.
Żiedet tgħid li bħala infermiera fis-swali kellhom jitgħallmu jaħdmu b’nuqqas ta’ staff, b’nuqqas ta’ riżorsi u għalkemm dawn ma’ kinux kundizzjonijiet ideali, kellnhom jadattaw b’dak li kellhom. Qalet li fil-perjodu tal-Covid-19 kienet għadha studenta u ta’ spiss kienet tara l-isfidi li kienu jaffaċċjaw l-infermiera, b’mod speċjali dawk fit-taqsima intensiva, fejn kien hemm bosta sfidi.
Fl-istess intervista, Jasmine qaltilna li temmen li l-karatteristiċi li wieħed għandu jkollu biex isir infermier tajjeb hija li tkun perseveranti, jiġifieri li dak dak li temmen fih tfissru, anke jekk forsi l-kotra ma’ taqbilx miegħek, inti dejjem għandek tkun ta’ medjatur għall-pazjent u ta’ leħen għall-pazjent tiegħek.
Qalet ukoll; “Fejn tara li se jibbenifika l-pazjent, dejjem għandek titkellem u tibqa’ tisħaq u tilmenta għal dak li temmen li huwa ta’ ġid għal pazjent. Karatteristiku ieħor hi l-empatija. Ma nemminx li xi ħadd jista’ jkun infermier tajjeb jekk mhuwiex persuna li jifhem u li jahder lilu nnifsu . Trid tpoġġi ruħek fiż-żarbuna ta’ dawn il-pazjenti u ta’ dawn li qed isofru. Nemmen illi jekk inti fik għandek sens ta’ empatija huwa nofs il-pass biex inti tkun ikkunsidrata bħala infermiera tajba”.
Tenniet li l-messaġġ li tixtieq twassal lil dawk kollha li qegħdin jitħajjru li jidħlu f’din il-professjoni tixtieq tgħidilhom li dan mhuwiex xogħol kwalunkwe, iżda huwa vokazzjoni u ħeġġithom sabiex ma jinjorawx din il-ħajra li għandhom. Spjegat li x-xogħol huwa xogħol sabiħ iżda wkoll xogħol li joffri l-isfidi u l-ostakli tiegħu bħal kull xogħol ieħor.