Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un kien kritiku ħafna tal-uffiċjali tas-saħħa ta’ pajjiżu u saħansitra ordna lill-armata biex tqassam hi l-mediċina liċ-ċittadini hekk kif il-mewġa ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19 kompliet tħalli l-effetti tagħha fuq il-pajjiż.
Hekk kif ftit tal-jiem ilu dan il-pajjiż irrapportata l-ewwel każ ta’ infezzjoni minn kemm ilha li bdiet il-pandemija u l-għada l-ewwel każ ta’ mewt, issa l-midja tal-istat qiegħda tgħid li hemm iktar minn miljun persuna li jinsabu infettati b’dak li Pyongyang qiegħda tiddeskrivi biss bħala “deni”.
Skont ċifri li mhux ta’ min joqgħod fuqhom, fil-Korea ta’ Fuq kien hemm 50 persuna li tilfu ħajjithom f’issa f’din il-pandemija. Għadd ta’ analisti jemmnu li ċ-ċifra hija ħafna ikbar minn hekk.
Esperti huma tal-fehma li ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż huma suxxettibbli ħafna għal dan il-virus u dan hekk kif hemm nuqqas kbir ta’ tilqim u s-sistema tas-saħħa li hija waħda batuta ħafna. Apparti hekk, is-sistema ta’ ttestjar f’dan il-pajjiż hija waħda limitata ħafna.