Sunday, November 24, 2024

“L-inflazzjoni tielgħa għal livelli li ilna ma naraw bħalhom għal aktar minn 30 sena”

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia, dwar iż-żieda fil-prezzijiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-għoli tal-ħajja kkawżat minn żewġ daqqiet qawwija fuq l-ekonomiji globali, jiġifieri l-pandemija tal-Covid-19 u aktar riċenti l-gwerra fl-Ukrajna, wasslu għal żieda qawwija fil-prezzijiet b’mod ġenerali. Din l-inflazzjoni qiegħda tolqot lill-ħaddiema u l-familji tagħhom, kif ukoll lill-kumpaniji u n-negozji lokali. Dan is-sit tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fejn ikkonferma li r-rata tal-inflazzjoni żgur qiegħda tippreokkupa kemm lil min jaħdem, kif ukoll lill-intrapriżi, liema rata jgħidilna li bħalissa tielgħa għal livelli li ilna ma naraw bħalhom għal aktar minn 30 sena.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia

“Minkejja li f’Malta r-rata hija inqas mill-medja taż-żona Ewro, parzjalment peress li l-Gvern qiegħed jilqa’ għaż-żiedet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-qmuħ, xorta waħda qiegħda taffettwa lil ħafna nies li qegħdin jaraw il-valur tal-flus u l-pagi nieżel,” spjega Farrugia.

“NATURALMENT, META L-INFLAZZJONI TKUN BAXXA, IL-COLA TOĦROĠ BAXXA, IMMA ISSA LI L-INFLAZZJONI GĦOLLIET RASHA, IL-COLA SE TKUN SOSTANZJALMENT GĦOLA”

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia

Huwa spjega li min-naħa tal-kumpaniji, il-prezz tal-materjal u t-trasport qiegħed jgħolli l-ispiża tal-operat tagħhom u li din fiha nnfisha, ukoll qiegħda twassal għal żiediet fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi għas-suq lokali, kif ukoll dawk esportati.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA qal li, “f’Malta għandna mekkaniżmu li permezz tiegħu l-pagi jiżdiedu skont l-inflazzjoni. Il-COLA ilha snin twal tirregola żiediet awtomatiċi u minimi fil-pagi u din is-sena l-COLA wkoll qiegħda tirrifletti din is-sitwazzjoni. Naturalment, meta l-inflazzjoni tkun baxxa, il-Cola toħroġ baxxa imma, issa li l-inflazzjoni għalliet rasha, il-COLA se tkun sostanzjalment għola”.

Sitwazzjoni delikata…

Għal Farrugia, f’ċirkostanzi straordinarji kif qegħdin nesperjenzaw bħalissa, wieħed irid janalizza jekk ikunx hemm bżonn ta’ interventi speċifiċi. Huwa wissa li COLA għolja ħafna tista’ tkun ta’ piż għal ċertu ażjendi, filwaqt li COLA baxxa tolqot lill-ħaddiema ħażin. 

“Li rridu noqogħdu attenti huwa li żiediet għoljin ma jaffettwawx ħażin il-kompetittività, l-aktar ta’ dawk l-ażjendi fil-qasam tal-esportazzjoni. Irridu wkoll naraw li żiediet fl-ispejjeż ma jsarrfux f’aktar inflazzjoni f’ċiklu vizzjuż li jkompli jnaqqas il-valur tal-pagi. Din hija sitwazzjoni delikata li titlob il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali kollha biex b’responsabbiltà nsibu l-aħjar triq għal pajjiżna,” temm Joseph Farrugia.

Sport